Futbol Sport

Jonathan Grech – ta’ 34 sena jiddebutta fil-Malta Premier

Jonathan Grech
Jonathan Grech

Normalment nitkellmu dwar debutt ta’ plejers Maltin li jkunu għadhom żgħar fl-etá u li jkunu lagħbu l-ewwel logħba tagħhom fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti. 

Sa qabel match day 9 tal-Malta Premier, l-akbar plejer Malti fl-etá li kellu d-debutt tiegħu fil-Kampjonat dan l-istaġun, kien id-difensur ċentrali ta’ 21 sena ta’ Marsaxlokk, James Vella. Iżda matul it-tmiem il-ġimgħa li għaddiet, kellna gowlkiper veteran li ta’ 34 sena, issorprenda lil bosta, bid-debutt tiegħu fil-Malta Premier.

Jonathan Grech, gowlkiper li għadu kemm għalaq 34 sena matul dan ix-xahar, kien fdat mill-kowċ ta’ Żabbar St Patrick, Aniello Parisi, biex jibda bejn il-lasti tat-tim fil-konfront dirett kontra Mosta. Debutt mhux tas-soltu għal gowlkiper Malti, f’etá ta’ veteran, b’esperjenza fil-Kampjonati ż-żgħar tal-MFA, iżda mhux fil-Malta Premier.

Grech kellu debutt sodisfaċenti għaliex minkejja li Żabbar St Patrick ma rebħux it-tliet punti, huma temmew draw ta’ 1-1 kontra Mosta, bil-gowl li sofra Grech wasal fit-80 minuta minn penalty, skorjat mid-difensur Léo Fernandes.

Grech hu prodott ta’ Żabbar St Patrick, u fil-passat lagħab għal diversi staġuni ma’ dan il-klabb f’diviżjonijiet oħra.

L-aħħar staġun li Grech kien qed jilgħab regolari ma’ klabb kien fl-2023/24, meta fin-National Amateur League 1, hu kien l-għażla numru wieħed fit-tim ta’ Vittoriosa Stars. Fil-bidu ta’ dan l-istaġun, Grech reġa’ irritorna ma’ Żabbar St Patrick, żewġ staġuni biss wara li kien lagħab l-aħħar ma’ dan il-klabb, ċioé fl-istaġun fl-istaġun 2022/23. Dak kien l-istaġun li matulu Żabbar St Patrick kienu kisbu promozzjoni għaċ-Challenge League.

Matul il-karriera tiegħu, Grech lagħab ukoll ma’ Sirens, Mqabba u Senglea Athletic, apparti Vittoriosa Stars u Żabbar St Patrick.

Id-debutt ta’ Grech hu eżempju ċar li qatt mhu tard, għall-ebda plejer Malti, li jilħaq l-objettiv tiegħu li anke jekk ikun kbir fl-etá. Il-perseveranza, id-dedikazzjoni iżda fuq kollox il-fiduċja fil-kwalitajiet tiegħek stess, jikkonfermaw li b’ħidma u taħriġ professjonali, irrelevanti kemm għandek żmien, tista’ tilħaq l-objettiv tiegħek.

Nawguraw lil Grech għal dan id-debutt, iżda fuq kollox għall-perseveranza tiegħu biex ta’ 34 sena sar l-ikbar plejer Malti fl-etá, li f’dawn l-aħħar snin iddebutta fil-Malta Premier.