Juventus keċċew lill-kowċ Igor Tudor l-għada tat-telfa li Juventus ġarrbu fl-Olimpico kontra Lazio. Din kienet it-tielet telfa konsekuttiva għal Juventus fi spazju ta’ tmint ijiem, tliet logħbiet li fihom Juventus naqqsu li jsibu x-xibka avversarji.
Minbarra t-telfa tal-Ħadd kontra Lazio, Juventus tilfu kontra Como 2-0 u f’nofs il-ġimgħa tilfu 1-0 kontra Real Madrid fil-UEFA Champions League. Juventus bħalissa jinsabu fit-tmien post tal-klassifika, sitt punti taħt il-leaders Roma u Napoli.
Juventus ħabbru li temporanjament ħatru lil Massimo Brambilla, kowċ tar-riservi ta’ Juventus, biex imexxi lit-tim għada kontra Udinese fis-Serie A. Fi stqarrija qasira Juventus ħabbru li minbarra Igor Tudor, tkeċċa wkoll l-istaff tiegħu magħmul minn Ivan Javorcic, Tomislav Rogic u Riccardo Ragnacci.
Tudor kien maħtur kowċ ta’ Juventus f’Marzu wara t-tkeċċija ta’ Thiago Motta u kien ingħata kuntratt sa tmiem l-istaġun fejn Tudor kien mexxa lil Juventus anki fit-Tazza tad-Dinja tal-klabbs fl-Istati Uniti.
F’Ġunju Tudor li għandu 47 sena, kien ikkonfermat ukoll għal dan l-istaġun fejn wara bidu tajjeb bdew il-problemi li laħqu l-qofol tagħhom din il-ġimgħa. Tudor hu eks plejer ta’ Juventus fejn lagħab għal disa’ snin mal-Bianconeri bejn l-1998 u l-2007.
Tudor fil-passat kien ukoll kowċ ma’ Udinese, Hellas Verona u Lazio, kif ukoll kien ukoll l-assitent ta’ Andrea Pirlo ma’ Juventus fl-istaġun 2020-2021. Pirlo u Tudor kienu tkeċċew mill-kariga fi tmiem dak l-istaġun.
//= $special ?>

