Lokali

Keith Schembri jirritorna “biex jidher relevanti”

Ftit tal-jiem ilu Keith Schembri reġa’ rxoxta, billi mar fuq il-podcast ta’ Ricky Caruana u għamel 80 minuta jparla ma’ preżentatur li akkomodah sew. U dan biex jerġa’ jsib xi forma ta’ relevanza.

Hekk stqarr Kurt Sansone, l-editur tal-MaltaToday li analizza r-ritorn ta’ Keith Schembri fuq il-media wara snin jaħrab mill-ġurnalisti u jirrifjuta li jwieġeb id-domandi tagħhom.

Keith Schembri kien irriżenja fl-2019, f’nofs il-kriżi politika tal-Gvern Laburista. U qed jaffaċċja akkużi kriminali li jvarjaw minn tixħim sa ħasil ta’ flus kif ukoll li ta informazzjoni sensittiva lil Yorgen Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Però, waqt din l-intervista, Ketih Schembri naqas milli jikkummenta dwar l-aktar stejjer kontroversjali  – u minflok tkellem dwar l-ordni ta’ firżar li għandu imposta fuqu.

Kurt Sansone spjega li għal dawk li kienu qed isegwu din l-intervista mingħajr attenzjoni u ħsieb kritiku dawn il-kummenti ta’ Schembri ma swew għal xejn ħlief biex jiġbed is-simpatija u possibilment biex jidher xi ftit gustuż qabel il-ġuri ta’ Yorgen Fenech.

L-editur għamel referenza wkoll għall-kummenti tiegħu dwar l-elezzjoni ġenerali li jmiss u dwar kif hu għadu parti mill-Partit Laburista. B’Sansone jirrimarka li dawn il-kummenti ta’ Schembri waqt l-intervista li saritlu kienu intiżi biex iwasslu messaġġ dwar kemm hu jaħseb li għadu relevanti.