Il-budget tal-2026 għas-settur edukattiv isaħħaħ ix-xogħol li diġà nbeda fi snin imgħoddija, b’tisħiħ tal-ħidma u t-tħabbira ta’ aktar investiment. Madanakollu, l-MUT tinnota b’diżappunt li l-proposti li għaddiet lill-Gvern waqt il-konsultazzjoni permezz tal-Position Paper tagħha, ma ġewx inklużi fil-baġit ta’ din is-sena.
L-MUT tilqa’ l-investiment li ser ikompli fl-infrastruttura tal-iskejjel, fil-promozzjoni tal-attività fiżika fl-iskejjel u t-tisħiħ tal-programm Family-Community School Link. L-MUT tinnota li dan il-baġit ħabbar l-espansjoni tal-programm Outreach għall-Edukaturi għal dak li ser ikun imsejjaħ bħala Outreach Engagement Programme li ser jitħaddem mill-2026 sal-2030. Il-baġit ħabbar ukoll r-reviżjoni tal-kurrikulu li ser issir bi sħab mal-OECD, u t-tħabbira tal-viżjoni 2030-2050 għal edukazzjoni li hija moderna, inklużiva u innovattiva bbażata fuq riċerka u kollaborazzjoni.
Fir-rigward tal-istudenti u l-familji, l-MUT tilqa’ ż-żieda ta’ €500 għall-allowance għall-familji bi studenti fil-post-sekondarju, għotja ta’ €500 għall-familji bi studenti fil-Year 10 u 11 biex tassisti studenti fil-kamp diġitali, kif ukoll id-distribuzzjoni ta’ riżorsi diġitali lil studenti fis-sekondarja, u żieda ta’ 15% fl-istipendji.
//= $special ?>

