Pajjiżna dalgħodu sebaħ fi kriżi ta’ traffiku u għada, sfortunatament, se jisbaħ mingħajr soluzzjoni ġdida u tanġibbli ta’ kif din se tkun qed tittaffa.
Dan hekk kif fil-Budget għall-2026 issemma’ kif il-Gvern se jkompli jinvesti fuq il-bini tat-terminal ġdid għall-irmiġġi f’Wied il-Għajn filwaqt li qed isejjaħ il-fast ferry bħala it-Tal-Linja bil-Baħar.
Matul il-budget tal-2025 fid-diskors tiegħu l-Ministru Clyde Caruana kien semma’ kif fiċ-Ċina u l-Istati Uniti beda jara taxis iwasslu passiġġiera mingħajr xufiera – kollox awtomatizzat. Madanakollu, sena wara mhux talli ma kienx hemm xufiera, talli din l-idea tal-intelliġenza artifiċjali biex jittaffa t-traffiku kienet injorat għal kollox.
Il-battibekk fi ħdan il-Kabinett ta’ Robert Abela u r-reżistenza tal-Ministru Clyde Caruana dwar it-trasport tal-massa spikka wkoll f’dan id-diskors. Dan għaliex minn 112-il paġna, it-trasport tal-massa ma jissemma mkien – wisq inqas l-investimenti fi studji jew soluzzjonijiet.
Bħala investimenti fl-infrastruttura tat-toroq – xejn ġdid lanqas. Għajr il-ħidma fuq il-Proġett ta’ Msida Creek li skont il-Gvern se tnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku. U li bdew l-ewwel 5 proġetti mill-iskema Vjal Kulħadd.
Dan ifisser li f’dak li kien deskritt bħala l-Aqwa Budget – sfortunatament, dan ma kienx il-każ għat-traffiku. Dan hekk kif kien budget ‘il bogħod minn pjan ċar għat-trasport li, biż-żieda fil-popolazzjoni li dejjem qed tisplodi b’rata kbira – mhux talli ggravat il-kriżi imma splodiet.
U filwaqt li Clyde Caruana saħaq li f’pajjiżna għandna sfidi fuq it-toroq u l-infrastruttura tagħna, ma kien hemm ebda idea ġdida – apparti li żagħżagħ sa 30 sena jistgħu jirritornaw il-liċenzja tagħhom għal għotja ta’ €5,000 fis-sena għal 5 snin.
Dan filwaqt li – għat-tielet sena konsekuttiva – il-Ministru ħabbar li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet fuq il-ġbir ta’ skart off-peak kif ukoll kunsinni f’ħinijiet off-peak.
//= $special ?>

