Mingħajr sptar mentali ġdid jew investiment f’Monte Carmeli, mingħajr ebda referenza fuq kif se jkun qed jattira aktar ħaddiema lejn is-settur tas-saħħa. L-ebda referenza għall-pjan għad-dipartiment tal-emerġenza u s-swali tal-kura psikjatrika – wara li t-tender kellu jiġi mġedded aktar minn darba. U lanqas imqar referenza waħda għad-djar tal-anzjani.
Minkejja l-appelli kontinwi sabiex il-Gvern jinvesti fi sptar għas-saħħa mentali adegwat jew tal-inqas jibda xogħlijiet estensivi fl-Isptar Monte Carmeli, id-diskors tal-Budget ma inkluda l-ebda referenza għall-Monte Carmeli.
Il-Budget ma indirizzax lanqas il-pjan ‘il quddiem dwar id-dipartiment tal-emerġenza u s-swali tal-kura psikjatrika li t-tender għalihom kellu jiġġedded darbtejn.
Madanakollu, minkejja li n-Northern Hub li kien imwiegħed fil-manifest elettorali Laburista fl-elezzjoni ġenerali tal-2022 il-Ministru Jo Etienne Abela iddiskrevieh bħala “mathemetically impossible”, dan minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi umani. Il-paġni li indirizzaw is-settur tas-saħħa f’dan il-budget ma ta l-ebda indikazzjoni ta’ kif il-Gvern se jkun qed jattira aktar ħaddiema lejn dan is-settur.
Fil-Budget il-Ministru Clyde Caruana, minkejja l-għajta li l-anzjani se jkunu fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern, ma indirizzax id-djar tal-anzjani. L-anzjani f’Bormla għadhom mingħajr dar tal-anzjani wara li tkeċċew mid-dar tal-anzjani li kienu fiha. U wisq anqas semma’ meta se jkun qed jitlesta x-xogħol fuq id-djar tal-anzjani tal-Imtarfa, tal-Mosta u anke taż-Żejtun
Tħabbar ukoll proġett infrastrutturali li jinkludi bini ta’ Ċentru Ġdid għall-Ġbir tad-Demm, Plażma, Pjastrini u Ċelloli Staminali. Flimkien ma’ bini ta’ stabbiliment ġdid għad-Demm, Tessuti u Ċelloli.
U wara snin twal ta’ wegħdi, Clyde Caruana ħabbar li se ssir rilokazzjoni tal-Isptar Karen Grech lejn faċilità temporanja sabiex jibda xogħol f’dan l-Isptar ikkundannat. Se jkun qed jibda wkoll xogħol fuq l-ewwel blokk prinċipali tal-Isptar San Luqa.
Madanakollu, dawk li huma Coeliac, se jingħataw vouchers ta’ €85. Dan filwaqt li se tkun introdotta klinika tal-Obeżità. Il-Gvern ħabbar li fis-sena li ġejja se jinfetħu tliet Ċentri Reġjonali tas-Saħħa Mentali ġodda f’Bormla, fir-Reġjun Ċentrali u Tramuntana ta’ Malta. Se jkunu qed isiru wkoll estensjoni tal-ħinijiet tal-ftuħ taċ-Ċentri tas-Saħħa f’Ħal Qormi u l-Gżira u anke fir-Rabat Għawdex.
L-Isptar ta’ Għawdex se jara estensjoni tad-Dipartiment tal-Outpatients. Clyde Caruana wiegħed ukoll espansjoni tal-kumpless tat-teatru operattiv, it-twaqqif ta’ Renal Unit, klinika tal-Kura Koronarja, introduzzjoni ta’ High Dependency Unit, Hyperbaric Unit u spiżerija ġdida.
//= $special ?>

