Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, illiberat lil Philip Micallef ta’ 32 sena, residenti Ħaż-Żebbuġ minn kull ħtija wara li kien qed jiffaċċja akkużi relatati ma’ inċident tat-traffiku li seħħ fl-20 ta’ Jannar 2023 fi Triq l-Imdina, f’Ħaż-Żebbuġ għall-ħabta tat-3.20pm.
Skont l-akkuża, Micallef kien qed isuq trakk Iveco u li, b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni, weġġa’ u kkawża ħsara li minħabba fiha Mauro Oliva, sewwieq ta’ mutur; sofra minn ġrieħi gravi, kif ukoll li kien qed isuq b’mod traskurat.
Il-prosekuzzjoni, immexxija minn uffiċjali tal-Pulizija, talbet ukoll li Micallef jiġi skwalifikat milli jżomm liċenzja tas-sewqan u jitnaqqsu l-punti skont ir-regolamenti tat-traffiku. Fil-kawża, il-Qorti semgħet ix-xhieda kollha, fosthom dik tal-vittma Mauro Oliva, li rrakkonta kif kien qed isuq il-mutur tiegħu meta t-trakk ta’ Micallef allegatament daħal fil-karreġġjata tiegħu u laqtu bit-‘tyre’ ta’ wara.
Kawża ta’ hekk, qal li wasslitu biex jaqa’ u jweġġa’ gravi. Oliva spjega li kellu ksur f’idejh, fl-għaksa, subgħajh tas-saqajh u kustilja, u li dam madwar erba’ xhur biex jirkupra. Madankollu, id-difiża argumentat li l-verżjoni ta’ Oliva ma kinitx konsistenti u li, fil-fatt, l-inċident seta’ seħħ minħabba li hu pprova jgħaddi bejn it-trakk u karozza oħra waqt li t-triq kienet dejqa.
Micallef, fil-verżjoni tiegħu, qal li kien qed isuq fil-karreġġjata tiegħu mingħajr ma bidel il-lane, u li s-sewwieq tal-mutur kien ipprova jgħaddi minn bejn il-vetturi meta ma kienx hemm spazju biżżejjed, u għalhekk ħabat mal-aħħar rota tat-trakk tiegħu.
Wara li semgħet ix-xhieda kollha u rat id-dokumenti ppreżentati, il-Qorti osservat li l-provi kienu kontradittorji u ma kinux biżżejjed biex jistabbilixxu l-ħtija ta’ Micallef lil hinn minn kull dubju raġonevoli, kif titlob il-liġi kriminali.
B’hekk, il-Qorti ddeċidiet li ma setgħetx tikkonkludi li Micallef kien responsabbli għall-inċident u għalhekk sabitu mhux ħati tal-akkużi kollha fil-konfront tiegħu, u ħelsitu minn kull ħtija u piena. Dan għax il-provi prodotti fihom kunflitt sostanzjali li ma jippermettix li l-Qorti tkun sodisfatta barra minn kull dubju raġonevoli. Għaldaqstant, il-livell ta’ prova ma jilħaqx dak rikjest mil-liġi kriminali.
//= $special ?>

