Lokali Qorti

Mhux ħati ta’ fastidju sesswali fuq minorenni

Raġel inħeles minn akkużi ta’ molestar sesswali fuq minorenni li fl-2022 kellha 17-il sena – wara li l-Qorti sabet dubji serji dwar il-kredibilità tal-allegata vittma. Il-każ twaqqa’ t-Tnejn hekk kif il-Qorti osservat li ma kien hemm l-ebda evidenza li r-raġel kien wettaq l-offiżi allegati u li kienu hemm inkonsistenzi fix-xhieda mogħtija mill-vittma.

Il-każ allegat kien seħħ fis-7 ta’ April 2022 f’residenza fejn il-vittma u r-raġel kienu jaħdmu. It-tfajla taħt l-età, akkumpanjata minn ommha, kienet irrappurtat lill-pulizija fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid li kienet ġiet molestata sesswalment minn kolega tagħha waqt li kienet fuq post ta’ xogħol.

Il-vittma allegatament qalet li hi kienet abbużata meta kienet f’dar residenzjali u li r-raġel kien qalilha biex tmur fl-uffiċċju tiegħu u nfurmaha li ried jagħmel att sessswali magħha fuq il-mejda, u sostna li qabadha minn taħt il-ħwejjeġ tagħha u pprova jbusha.

It-tfajla taħt l-età qalet li huwa staqsiha jekk kienitx qed tħossha mhux komda u staqsa jekk kellux jirriżenja. Huwa kien ġie mixli li ssuġġetta lit-tfajla taħt l-eta biex tagħmel atti sesswali mhux kunsenswali, liema tfajla dak iż-żmien kellha 17-il sena.

L-akkużat qal li kien organiżża attività għar-residenti u minkejja li kien jgħidilha biex tmur lura f’postha wara l-attività, kienet tibqa’ ħdejh u toqgħod tistaqsih fuq il-klassijiet, u li kienet tmur warajh l-uffiċċju u tgħidlu dwar kif tista’ tnaqqas mill-piż tagħha, u turih xi ritratti u videos waqt li hu kien ikun qed jaħdem fuq il-kompjuter tiegħu fl-uffiċċju.

Huwa qal li hu kien jgħidilha li jekk temmen fiha nnifisha, kienet se terġa’ trabbi l-kunfidenza. Hija wrietu wkoll video tagħha tbus lil xi ħadd f’bar. Huwa qal li kien ta’ spiss jgħidilha li ma kellhiex għalfejn toqgħod turih dawn ir-ritratti, imma hi kienet tippersisti.

Il-Qorti nnutat li l-vittma kienet qalet affarijiet differenti f’diversi stadji tal-proċess: fil-Qorti allegat li l-akkużat messilha żaqqa, filwaqt li lill-pulizija kienet qalet li messilha sidirha minn taħt il-bra. Dawn l-inkonsistenzi, skont il-Qorti, wasslu biex jitqajjem dubju serju dwar l-affidabbiltà tat-testimonjanza tagħha.

Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-fatt li l-filmati tas-CCTV ma ġiex ippreżentat fil-Qorti kien ta’ detriment għall-każ tal-prosekuzzjoni, għax kieku ġie ppreżentat, kien ikun possibbli li tiġi vverifikata l-imġiba tal-vittma wara l-allegat inċident u jekk verament kinitx skomda jew imwerwra kif sostniet.

Barra minn hekk, ġie osservat li l-mowbajl tal-vittma ma ġiex analizzat biex jiġi kkonfermat jekk il-vidjows u r-ritratti li semmiet fil-proċess eżistewx tassew. Il-Qorti qieset ukoll li l-fatt li investigazzjoni interna mill-post tax-xogħol ma sabet ebda evidenza ta’ ħażen kompla jnaqqas il-kredibilità tal-vittma.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti kkonkludiet li ma kienx hemm prova li l-akkużat kien verament immolesta lill-minuri, u għalhekk inħeles mill-akkuża ta’ fastidju sesswali, bil-Qorti tiddikjara li l-verżjoni tiegħu kienet aktar kredibbli u li ma kien hemm l-ebda evidenza li wettaq atti mhux xierqa.

Bħala konsegwenza, ir-raġel ġie meħlus mill-akkużi kollha, billi l-Qorti qalet li l-verżjoni tiegħu kienet leġittima u li ma kien hemm l-ebda evidenza li wettqet l-atti sesswali alleged. Il-każ kien presedut mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, bil-prosekuzzjoni titmexxa mill-Ispetturi Kylie Borg u Jonathan Cassar, u d-difiża mmexxija mill-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit, filwaqt li l-avukat Arthur Azzopardi rappreżenta lill-adolexxenti.