Diskors sħiħ li ma semma’ xejn dwar bini ta’ skejjel ġodda; dan apparti li għal darba spikka n-nuqqas ta’ investiment fl-MCAST kif ukoll fl-Università ta’ Malta. Ma jonqosx ukoll li l-ITS ma ssemma’ mkien fid-dokument tal-budget.
Waqt id-diskors tal-Budget, il-Ministru Clyde Caruana ftaħar bi proġetti li digà saru fost l-oħrajn meta qal li nbniet skola ġdida fir-Rabat, dan meta din l-iskola qatt ma twaqqgħet kompletament, iżda kienet ġiet rinnovata.
U milli jidher il-Gvern ta’ Robert Abela se jibqa’ għaddej bl-istess narrattiva għas-sena d-dieħla hekk kif fl-ebda mument ma semma’ li se tinbena skola ġdida iżda minn naħa l-oħra ntqal li se jkun hemm investiment fit-tisħiħ tal-binjiet u r-rinnovament tal-kulleġġi.
Dan filwaqt li l-Gvern qed iwiegħed li se jqassam madwar 20,000 apparat diġitali lil studenti tas-snin 4, 7, 8 u 9.
Mis-sena d-dieħla l-istipendji se jiżdiedu bi 15% biex b’hekk l-istipendju għall-istudenti se jkun madwar €133 fix-xahar.
Għall-istudenti Għawdxin li jattendu edukazzjoni post-sekondarja jew terzjarja f’Malta se tibda tingħata allowance ta’ darba ta’ €280 fix-xahar, li se jibbenefikaw minnha ’l fuq minn 800 student. Għall-maġġorparti tal-istudenti Għawdxin, dan se jkun ifisser żieda ta’ madwar 70% fuq l-appoġġ preżenti.
Se tkompli tingħata l-allowance lil madwar 12,000 familja li s-sena d-dieħla se jirċievu l-allowance addizzjonali ta’ €500 għal kull wild li jkun f’edukazzjoni postsekondarja. Dan apparti li se jipprovdi għajnuna finanzjarja ta’ €500 lill-familji kollha li għandhom studenti fis-sena 10 u 11.
Iżda minkejja dan kollu, fir-reazzjoni inizjali tagħha, l-MUT qalet li l-konsultazzjoni kollha li saret fl-aħħar xhur… ma serviet għal xejn.
//= $special ?>

