Fil-ħidma tal-Gvern Hemm mumenti varji. Hemm dawk inizjali fejn is-soltu, fl-ewwel leġiżlatura l-ħeġġa tkun qawwija, u magħha, il-bidliet. Wara tiġi dik tal-konsolidament fil-poter, kważi fil-kumdità kbira li wieħed jibqa’ hemm
Carm Mifsud Bonnici
Ix-Shadow Minister għar-Riforma
Kostituzzjonali, l-Identità
Nazzjonali u d-Djalogu Interkulturali
- Imma fit-tielet parti hemm is-sogru li l-ideat jinżlu iktar ’l isfel u l-poter ma jibqax iktar strument ta’ bidla imma jsir wieħed ta’ rabta għall-pjaċir li jibqa’ f’idejk.
Huwa ċertament diffiċli li l-Partit fil-Gvern jirnexxilu jżomm ritmu ta’ bidla kostanti, iktar u iktar bil-fatt li fit-tielet leġiżlatura jibda jifhem iktar dak li jista’ jibdel u dak li m’għadux iktar fil-pożizzjoni li jirriforma.
Dan aktar u aktar meta quddiem ir-raba’ appuntament elettorali tiegħu ma tantx jista’ jressaq ideat ‘ġodda’. Jista’ minflok jitkellem fuq l-importanza tal-istabbiltà u aktar fuq id-demerti tal-Oppożizzjoni.
Ottimo
- It-Taljani jgħidu: “L’ottimo è il nemico del bene” (l-aqwa huwa l-għadu tat-tajjeb). Massima ta’ direzzjoni li tajjeb dejjem li wieħed iżomm fl-arti tal-ġudizzju politiku tiegħu.
Iktar u iktar meta l-poplu issa qiegħed juri sinjali ċari li għejja minn dan il-Gvern u qiegħed iħares ferm aħjar lejn l-alternattiva għalih. Ħabta u sabta, għalhekk, qiegħed jidher li l-linja politika hija f’dan iktar marbuta ma’ kemm wieħed jipprova joskura lil ħaddieħor milli f’dak li kapaċi jwettaq hu.
Fejn kull suppost ‘żball’ jew ‘difett’ irid jitkabbar u jiġi f’termini ta’ propaganda mxerred u kundannat b’kull forma u manjiera. Dawn mossi politiċi li l-passat reċenti juri li huma ferm kontroproduttivi. Flok avvanz juru biss li l-ideat fil-Gvern naqsu u li tilef sew mill-momentum li wieħed jippretendi li jkollu.
Kontrattakk?
- Fil-ħidma, proprju f’din il-linja f’forma ta’ kontroffensiva tal-Gvern, din il-ġimgħa l-Parlament sab ruħu jiddibatti mozzjoni li ma kellhiex tiġi ppreżentata. Anzi, kif qalet tant tajjeb il-Maltatoday tul il-ġimgħa, hija sinjal ta’ paniku (a sign of panic).
Huwa veru dan fil-konfront ta’ dak li qiegħed jiġri fil-pajjiż għax huwa minnu li hemm tibdil fl-arja li jista’ huwa wkoll iwassal sabiex ikun hemm gvern differenti ħafna. Però f’dan huwa wkoll sinjal ta’ reazzjonarji li daħlu, mingħajr ma jafu, f’fażi li ma hija tajba xejn.
L-istess editorjal jikteb hekk: “The whole idea of putting forward such a motion smacks heavily of authoritarianism. It shows a government attempting to stifle its political opponents through a motion of censure.” (Il-ħsieb kollu biex wieħed iressaq din il-mozzjoni għandu xamma qawwija ta’ awtoritarjaniżmu. Juri Gvern li qiegħed jipprova joħnoq lill-avversarji politiċi tiegħu b’mozzjoni ta’ ċensura.)
Kontraxena
- F’moħħ il-Gvern, din hija mossa li twieġeb għad-dibattitu li sar fil-Parlament Ewropew nhar it-Tlieta li għadda. Wieħed m’għandux ikun, fil-prinċipju, kontra diskussjoni dwar pajjiżna, iżda għandu jkun attent biex jippreżenta sew il-fatti u jiddefendi fejn ikun hemm allegazzjonijiet skorretti.
Fil-fatt hija opportunità biex pubblikament wieħed jirribatti u jistabbilixxi l-affarijiet bil-preċiż. Imma jekk hemm min għandu aġenda differenti ma tgħinux billi tagħmel dibattitu, hawn f’pajjiżna, talli sar dak id-dibattitu hemm.
Jekk hawn, kif nemmnu li hawn, id-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni, wara kif tipprova tagħmel mozzjoni politika ta’ opportuniżmu żbaljat biex tipprova biss toskura lill-Oppożizzjoni leġittima f’dawn il-gżejjer?
Ġebel fuq saqajna
- Fil-fatt, biha l-Gvern xeħet aktar il-ġebel fuq saqajna. L-ewwel, għax jekk barra hemm min qiegħed jgħid li m’hawnx il-livell ta’ demokrazija li għandu jkollna, kif tgħinu inti stess biex tagħtih raġun u tressaq din it-tip ta’ mozzjoni? Għax fil-fatt, kull m’għamilt hu li kerraħt l-istampa iktar milli kien hemm bżonn, jew hemm fil-fatt bżonn. It-tieni, għax fil-fatt, il-mozzjoni ma rnexxietx fl-iskop tagħha.
Il-poplu ma jemminx li aħna m’aħniex patrijottiċi.
It-tielet, għax turi li l-istess Gvern qiegħed huwa stess jitlef il-boxxla politika meta jrid isikket lill-Oppożizzjoni u jqegħda fil-kamp ta’ xi forma ta’ anti-patrijottiżmu li mhijiex.
Meta ninfirdu fuq dan inkunu qed nagħtu pjaċir lil ħaddieħor li jirkeb u jieħu r-rotot tal-kummerċ u l-industrija li aħna għandna xi mkien ieħor. Il-klima politika, it-tisħiħ kostanti tad-demokrazija jkabbru l-ġid ekonomiku. Mingħajr il-libertà parlamentari u s-sens ta’ ġudizzju f’dak li għandu jiġi dibattut jew le, l-ekonomija ma tikbirx.
Bidliet
- Dan kollu huwa iktar vitali f’soċjetà li għadha maħkuma mill-ħsieb li klassi, partit jew grupp soċjali jistgħu jimxu waħedhom. Jimxu ’l quddiem mingħajr l-oħrajn, u anzi, billi jieħdu ħsieb li l-oħrajn jiġu njorati jew oskurati.
Fid-dinja tagħna hemm il-bniedem li għandu l-bżonn tagħhom ilkoll. Dan għax ebda bniedem ma huwa irrilevanti fil-proċess politiku, jew li jista’ jitwarrab fil-ġenb.
Tmexxija intelliġenti trid kontinwament tfittex biex tinkludi lil kulħadd u tassigura, kemm jista’ jkun, li jkun hemm il-kunsens ta’ diversi, u mhux tal-ftit, fil-poter tagħhom.
Sitwazzjoni
- F’dan aktar, wieħed għandu jieħu direzzjoni fil-pajjiż li ngħixu fih ilkoll. Iktar u iktar meta l-Gvern għandu jkollu l-abbiltà li jifhem dawn il-prinċipji demokratiċi.
Mhux biss, imma kif mistenni minnu, li jifred dejjem l-interessi tal-Istat Demokratiku minn dawk tal-partit politiku. Meta dawn jiġu mħawda, kif seħħ, jew maqluba fil-prijoritajiet, iseħħu konsegwenzi xejn tajba.
Aktar u aktar meta ħadd m’għandu, b’xi mod, jagħmel l-iżball li ma jifhimx li ħafna drabi r-rebħ fl-interess tal-Partit fil-Gvern iwassal għal effetti xejn pożittivi.
Dan huwa proprju dak li ġara tul il-ġimgħa. Il-mozzjoni tal-Gvern saret biex toskurana. Minflok kienet kontroproduċenti u oskurat lil min ressaqha.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 26 ta’ Otttubru, 2025.
//= $special ?>

