Il-President tal-Arġentina, Javier Milei, mexxa lill-partit tiegħu għal rebħa kbira fl-elezzjonijiet li jsiru f’nofs il-mandat ta’ kull Presidenza…Vot li rrifletta kif jaħsibha l-poplu dwar l-ewwel sentejn tal-Presidenza ‘Milei’ fejn, fost oħrajn, iddominaw il-qtugħ radikali fl-infiq tal-Gvern fost ir-riformi tas-suq ħieles.
Il-partit La Libertad Avanza rebaħ madwar 41 fil-mija tal-vot – fejn kiseb kontroll ta’ 13 mill-24 siġġijiet fis-Senat. Dan waqt li l-partit se jkun irrappreżentat minn 64 deputat fil-Kamra t’Isfel tal-Parlament magħmul minn 127 membru.
Ir-riżultat, b’hekk, għandu jwitti t-triq għal Milei biex ikompli għaddej bil-programm għal tnaqqis fl-infiq tal-Istat u lejn id-deregulazzjoni tal-ekonomija.
Intant, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump, alleat ta’ Milei, bagħat messaġġ ta’ kongratulazzjoni lill-President Arġentin waqt li wiegħdu li se jkompli jappoġġjah.
Qabel il-vot fl-Arġentina, l-istess Trump għamilha ċara li l-għajnuna finanzjarja – ekwivalenti għal $40 biljuni – li l-Istati Uniti kienet tat lill-Gvern ta’ Milei jiddependi fuq kemm il-President Arġentin jibqa’ iżomm din l-ispinta politika waqt li ma jbiegħedx mir-riformi programmati.
//= $special ?>

