Lokali Qorti

Talba biex jiġu sospiżi l-proċeduri kriminali wara li arrest kien ġie ddikjarat illegali

Raġel ta’ 47 sena li x-xahar li għadda ġei akkużat b’fastidju ta’ mara u li kiser ordni ta’ protezzjoni u li kellu l-arrest tiegħu ddikjarat bħala invalidu ippreżenta rikors kostituzzjonali fil-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili Sede Kostituzzjonali fejn qed jitlob ordni proviżorja biex issospendi temporanjament il-proċeduri kriminali pendenti kontrih quddiem il-Qorti tal-Maġistrat.

Ir-raġel li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti fetaħ il-każ kontra l-Avukat tal-Istat, l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni. Huwa qed jitlob ordni proviżorja biex issospendi temporanjament il-proċeduri kriminali pendenti kontrih quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fil-każ magħruf bħala Il-Pulizija (Spettur Gabriel Kitcher u Spettur Karen Cassar) kontrih..

Il-Qorti kienet sabet li ma ngħatax spjegazzjoni xierqa tad-drittijiet tiegħu. Ir-raġel, li għandu diżabilità mentali u ma jafx jaqra u jikteb, kien allegat li spiss kien iħuf madwar id-dar tal-vittma u jiċċassa lejn il-bieb tagħha. F’okkażjoni waħda, allegatament beda jidħaq quddiem id-dar tagħha, filwaqt li f’inċident ieħor, hu allegat li ħa l-‘bin’ tal-iskart organiku tagħha.

Huwa kien ġie akkużat ukoll li kiser ordni ta’ protezzjoni, fastidju, recidivismu u li wettaq reat waqt perjodu ta’ sentenza sospiża. Huwa kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi mijubin kontrih. Id-difiża kienet argumentat li l-arrest kien illegali peress li l-pulizija ma spjegawx id-drittijiet tiegħu b’mod adegwat.

Għalkemm ingħatat lilu ittra tad-drittijiet, din kienet bla valur minħabba li l-akkużat ma jafx jaqra, u l-uffiċjali kienu obbligati jaqrawha u jispjegawha. Rapport mediku u xhieda minn missieru ġew ippreżentati fil-Qorti biex jikkonfermaw dan. Missieru qal: “Ibni ma jafx jaqra jew jikteb. Hu persuna sempliċi.”

Ir-rikors jgħid li l-arrest tiegħu sar fit-30 ta’ Awwissu 2025 dwar allegati akkużi ta’ fastidju kontra l-parte ċivili u ksur tal-Ordni ta’ Trażżin. L-arrest kien meqjus illegali mill-Qorti tal-Maġistrati fl-1 ta’ Settembru 2025 għax ma ngħatax id-drittijiet legali tiegħu kif titlob il-liġi.

Fil-bidu ta’ Ottubru 2025, l-avukati tad-difiża ġew mgħarrfa b’rapport mediku minn Dr Anthony Dimech li kkonferma li Tonna mhuwiex f’kundizzjoni li jwieġeb għal ħtija tiegħu jew in-nuqqas tagħha u li minħabba kundizzjoni ‘newro-developmentali’ m’għandux il-kapaċità li jifhem il-natura tal-akkużi jew jipparteċipa b’mod xieraq fid-difiża tiegħu.

Il-Qorti tal-Maġistrati, madankollu, ma ħaditx f’kunsiderazzjoni dan ir-rapport u minflok ppruvat tivaluta l-kapaċità tiegħu billi staqsiet dwar l-interessi tiegħu fl-isport. Permezz tal-Avukati tiegħu qed jargumenta li l-proċeduri kriminali qegħdin jikkawżawlu ħsara irriversibbli, peress li kull darba li jidher quddiem il-Qorti, jidher mifxul u mbikkem, u l-avukati u l-qraba tiegħu jkollhom jippruvaw jikkalmawh.

Hu sostna li l-kundizzjoni tiegħu tagħmel li l-proċeduri kriminali mhumiex leġittimi u li qed jikkawżaw dannu psikoloġiku sinifikanti. Ir-rikors jemfasizza li hemm każ prima facie ta’ ksur ta’ jedd fundamentali u li l-kontinwazzjoni tal-proċeduri tista’ twassal għal ħsara li ma tistax titreġġa’ lura, skont il-prinċipji stabbiliti f’każi preċedenti bħall-każ Christopher Bartolo vs l-Avukat tal-Istat, Rosette Thake u Dottoressa Anna Fenech vs l-Prim Ministru, u Mamatkulov and Askarov v. Turkey.

Ir-raġel, qed jitlob, għalhekk, li l-Qorti ċivil tordna l-isospensjoni tal-proċeduri kriminali pendenti kontrih sakemm jiġu deċiżi dawn il-proċeduri kostituzzjonali u li s-sospensjoni ta’ kull att ieħor relatat mal-proċeduri kriminali, inkluż il-libertà proviżorja attwali tiegħu, u li l-ispejjeż kollha jiġu imġiegħla kontra l-intimati. Għalih qed jidhru l-Avukati Veronica-Anne Spiteri u Desirée Attard.