Lokali Qorti

Tliet snin ħabs fuq ġrieħi gravi waqt ġlieda f’bar fl-Imsida

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ikkundannat lil Mustafa Ahmed Mohammed, ta’ 31 sena, oriġinarjament mis-Somalja u residenti l-Ħamrun, għal tliet snin ħabs effettiv wara li nstab ħati li kkaġuna ġrieħi gravi fuq persuna oħra waqt ġlieda li seħħet f’bar fl-Imsida ħames snin ilu.

Il-każ imur lura għat-13 ta’ Ottubru 2020, għall-ħabta ta’ 10:20pm., meta l-Pulizija ġew infurmati li Yousif Ghebrekidan Fasi, ċittadin barrani, kien mar l-Għassa tal-Imsida fejn irrappurtat li qala’ daqqa ta’ sikkina waqt li kien fil-Eureka Bar, l-Imsida. Hu kien sofra ferita gravi f’dahru fuq in-naħa tax-xellug u ġie ċċertifikat mill-Isptar Mater Dei li kellu ġrieħi serji.

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija, irriżulta li l-vittma kienet ġiet attakkata minn grupp ta’ tlett irġiel li ħarġu għal warajh wara argument li nqala’ fil-bar, fosthom Mustafa Ahmed Mohammed, li kien identifikat bħala wieħed mill-aggressuri. Filwaqt li l-imputat ammetta li kien preżenti għall-ġlieda, insista li ma kienx hu li daqq is-sikkina, iżda kien ċertu “Hussein” li ħareġ is-sikkina u ta d-daqqiet.

Ix-xhieda tal-vittma, Yousif Ghebrekidan Fasi, kienet kruċjali. Hu spjega li l-imputat kien klijent regolari tal-bar u li dak il-lejl, meta talbu biex joħroġ għax kien wasal biex jagħlaq, Mustafa rrifjuta u beda joffendih. Meta Yousif ipprova joħorġu barra, Mustafa qabdu minn għonqu u wara ħarġu għal warajh tliet irġiel, fosthom l-imputat.

Barra, il-vittma ġie milqut u waqa’ mal-art, fejn qala’ daqqiet ta’ sikkina. Għalkemm Yousif qal li ma setax jiddetermina min eżatt tah bis-sikkina minħabba l-konfużjoni, kien ċert li Mustafa kien qed iżommu waqt li kien qed jissawwat.

Ix-xhud Habtom Ghebrekidon Teklu, li kien barra l-bar dak il-ħin, ikkonferma li ra lil Yousif u Mustafa jiġġieldu ġewwa u li mbagħad Mustafa ħareġ barra flimkien ma’ żewġ persuni oħra wara Yousif. Ftit wara, Yousif ġie lura miksi bid-demm u qal li qala’ daqqa ta’ sikkina.

Filwaqt li l-prosekuzzjoni mmexxija mis-Supretendent Jonathan Ransley u l-Ispettur Jeffrey Scicluna ippreżentat ukoll evidenza forensika, inkluż ritratti tal-feriti u rapporti mediċi, irriżulta li l-imputat kellu wkoll xi ġrieħi żgħar fuq idu u spalltu, konsistenti ma’ ġlieda. Madankollu, il-Qorti osservat li dawn il-feriti ma jnaqqsux mill-fatt li kien wieħed mill-aggressuri.

Il-Qorti, wara li eżaminat ukoll ir-rapport mediku tal-Professur Mario Scerri, ikkonkludiet li l-vittma sofra ġrieħi gravi iżda mhux permanenti, u għalhekk l-offiża kienet tikkwalifika bħala dik taħt Artikolu 216(1)(a)(iii) u (ċ) tal-Kodiċi Kriminali, li tirrigwarda feriti gravi b’arma li taqta’ u bil-ponta.

Il-Qorti ma sabitx lill-imputat ħati tat-tieni kap tal-akkuża – dak li l-feriti seħħew b’aċċident waqt ġlieda – iżda sabitu ħati tal-ewwel u tat-tielet kap, jiġifieri li kkaġuna feriti gravi b’arma li taqta’ u li kiser il-bon ordni pubbliku bil-ġlied.

Konsegwentement, il-Qorti ikkundannatu għal tliet snin priġunerija effettiva, li minnhom għandu jitnaqqas il-perjodu li diġà qatta’ taħt arrest preventiv. Barra minn hekk, taħt Artikolu 533 tal-Kodiċi Kriminali, ordnatlu jħallas €2,305.20 fi spejjeż relatati mal-esperti tal-każ fi żmien sena.

Biex tipproteġi lill-vittma, il-Qorti imponiet ukoll ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin favur Yousif Ghebrekidan Fasi, skont Artikolu 382A tal-Kodiċi Kriminali.

Il-każ instema’ mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, li ssentenzjat ukoll lil Mustafa Ahmed Mohammed.