Raġel ta’ 35 sena ġie kkundannat xahrejn ħabs wara li nstab ħati li kien qed jgħix ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ. Yonathan Esseyas Affewerki mill-Eritreja kien arrestat fl-10 ta’ Settembru f’Tas-Sliema wara li l-pulizija sabuh rieqed taħt gazebo qrib Manoel Island, fejn instabu żewġ boroż kbar mimlijin fliexken tal-plastik.
Huwa deher maħmuġ u l-kundizzjoni ta’ ħwejġu ma kinux tajbin. Waqt l-interrogazzjoni qal li kellu l-fliexken li kien mar jiġborhom minn Paceville biex jikkonvertihom f’vawċers, iżda qal li mar jistrieħ fuq bank peress li kien għajjien u li qatt is-soltu ma kien joqgħod barra.
Żied jgħid li kien jgħix il-Ħamrun wara li qabel kien jgħix mal-YMCA u li darba kien jaħdem bħala kok, imma llum jgħix billi jiġbor fliexken u jissarrafhom. Huwa ċaħad li kien qed joqgħod barra b’mod permanenti u sostna li kien biss qed jistrieħ.
Il-Maġistrat Kevan Azzopardi sabu ħati li għex ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ u li ma ppruvax ifittex xogħol. Madankollu, ma sabux ħati li kien qed jittallab lin-nies għall-flus. Il-prosekuzzjoni fil-konfront tiegħu kienet immexxija mill-Ispettur Gabria Gatt.
//= $special ?>

