Lokali

AĠĠORNATA: Tifel imut wara li sab ruħu f’diffikultà fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra

Tifel ta’ 11-il sena tilef ħajtu u raġel għadu ma nstabx wara li sabu ruħhom f’diffikultà waqt li kienu qegħdin jgħumu fil-Bajja tar-Ramla l-Ħamra, f’Għawdex.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1:15pm.

Fil-Post issejħu membri tal-Protezzjoni Ċivili u l-AFM sabiex jassistu kif ukoll tim mediku u ambulanza li ħadet lit-tifel l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – għalkemm l-isforzi tat-tobba u l-infermieri kien kollu għalxejn.

Net News jinsab infurmat li omm it-tifel u żewġ aħwa jinsabu l-isptar fejn ingħataw l-assistenza minħabba x-xokk kbir li ġarrbu.

Jidher li l-familja hi barranija.