Waqt il-Budget għall-2026, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana stqarr li x-xogħol fuq it-tieni interconnector avvanza sew u li l-ittestjar ta’ 99 kilometru ta’ cable se jkunu waslu biex jintemmu.
Dan hu proġett li huwa bbażat fuq il-viżjoni li kellu l-PN snin ilu.
Apparti minn hekk, il-Ministru spjega li matul is-sena d-dieħla t-tqegħid ta’ cables se jkun ikkumplimentat b’ċentri ta’ distribuzzjoni u substations ġodda.
B’rabta mal-kwalità tal-ilma l-Ministru Clyde Caruana, semma’ li l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ New Water fin-Nofsinhar ta’ Malta se tissaħħaħ permezz ta’ estensjoni ta’ madwar 16-il kilometru fis-sistema ta’ distribuzzjoni li se titlesta fil-bidu tal-2026.
Il-Budget semma’ skemi għall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi u batteriji għall-ħażna tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll skemi għall-installazzjonijiet ta’ apparat biex jissaħħan l-ilma, skema ta’ roof insulation, u double glazing, skema biex bjar ta’ djar antiki jiġu restawrati u skemi ta’ tagħmir ta’ purifikazzjoni tal-ilma.
B’rabta mal-ġbir tal-iskart, il-Ministru Clyde Caruana, stqarr kif bħalissa qed isir xogħol fuq impjant ġdid għall-ipproeċessar tal-iskart organiku li ladarba jibda jopera se jkun qed jipproċessa madwar 75,300 tunnellata ta’ skart organiku. Sostna li tlestew ukoll il-preparamenti fuq l-art fejn se tkun qed tinbena faċilita tal-immaniġġjar tal-iskips.
Intant il-Ministru Clyde Caruana, tenna li se jkompli jsir aktar investiment fi spazji miftuħa f’diversi lokalitajiet madwar Malta. Iżda l-Ministru, nesa li hemm għadd ta’ proġetti li għadhom ma tlestewx. U li l-policies tal-Gvern taw daqqa lil dan is-settur – b’ħafna jemmnu li l-ispazji miftuħa qed jibqgħu jitnaqqru bl-iżvilupp bla pjan.
Apparti minn hekk, il-preżentazzjoni tal-Budget ma semmiet xejn dwar il-liġijiet kontroversjali tal-ippjanar.
Il-Ministru, Clyde Caruana semma li f’Ħal Kirkop, Ħaż-Żebbuġ u l-Marsa se jkunu qed jitwettqu proġetti għall-ġbir tal-ilma.
Intant, f’Awwissu 2023 il-Gvern ta’ Robert Abela wiegħed li se jerġa’ jinfetaħ l-isptar tal-annimali. U issa sentejn u ftit xhur wara, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar li l-isptar se jerġa’ jibda jopera fil-ġimgħat li ġejjin – iżda naqas milli jipprovdi d-data uffiċjali ta’ meta se jkun qed jiftaħ.
//= $special ?>

