Lokali

Il-budget qiegħed hemm biex jagħti direzzjoni u tama – Kap tal-PN Alex Borg

Il-flus mhumiex kollox, u dan il-budget nesa r-realtajiet tan-nies

Il-budget għandu jkun il-mappa li turina fejn sejjer il-pajjiż u kif se jasal hemm. Għalkemm il-flus għandhom impatt fuq kif ngħixu, mhumiex kollox, u l-budget li ressaq il-Gvern ilbieraħ – li suppost kien “l-aqwa budget fl-istorja” – huwa budget reattiv li jinsa r-realtajiet tan-nies u jonqos milli joffri direzzjoni ċara.

F’messaġġ l-għada li tressaq il-Budget 2026, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li miżuri li huma tajbin hu ma jiddejjaq xejn jgħid li huma tajbin. Imma l-budget li ppreżenta l-Gvern għas-sena d-dieħla nesa wisq nies u ma indirizzax diversi problemi.

Dan il-budget ma jweġibx għall-problemi strutturali li qed iħabbtu wiċċhom magħhom eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin – fosthom il-pressjoni fuq is-saħħa, l-għoli tal-ħajja, it-traffiku u t-tkabbir bla pjan fil-popolazzjoni.

Ħalla barra l-kwalità tal-ħajja. Kien għeri minn kull investiment fil-qasam tas-saħħa mentali.  Lil dawk li qed ibatu ma offrielhom l-ebda soluzzjoni, qal Alex Borg, waqt li saħaq li pajjiżna għandu bżonn politika li tħoss għan-nies u mhux taħdem għan-numri.

Il-Kap tal-PN qal ukoll li għalkemm il-Gvern qed jipprova jgħolli r-rata ta’ twelid f’pajjiżna, ma ħasibx biex jagħti lill-ġenituri l-ħin u l-appoġġ li għandhom bżonn biex ikunu preżenti f’ħajjet uliedhom.

Illum qed ngħixu biex naħdmu, mhux naħdmu biex ngħixu. Din hija problema soċjali serja li għal dan il-Gvern bħal donnu ma teżistix, kompla jgħid Alex Borg.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-problemi tas-saħħa mentali dejjem jiżdiedu, iż-żgħażagħ li qed jitilqu minn Malta, il-prezzijiet tal-proprjetà li ma jirriflettux il-pagi, u l-waiting lists fl-isptarijiet li jkomplu juru kemm l-infrastruttura pubblika ma tiflaħx aktar.

Budget tajjeb għandu jġib tama. Għandu jħares fit-tul. Għandu jindirizza r-realtà. Dan il-budget ma jagħmel xejn minn dan, tenna  Alex Borg.

Hu żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista huwa l-veru gvern alternattiv għax jipproponi u jwettaq miżuri fl-aħjar interess tas-soċjetà, u mhux skont il-kalendarju elettorali tal-gvern.

Il-Partit Nazzjonalista jrid ekonomija bil-qalb u tal-qalb – ekonomija li tħoss għan-nies u li ma tinsa lil ħadd.

Alex Borg qal li l-messaġġ  tiegħu hu mibni fuq ir-realtajiet tan-nies li jkellmuh kuljum – dawk li jmorru jfittxuh u li jkellmuh fuq il-problemi tagħhom – u qal li dawn in-nies jitħoqqilhom aħjar.

“Irrid Partit Nazzjonalista li meta jkun fil-gvern jippreżenta budget li jilħaq ir-realtajiet tan-nies u li jwassalhom biex jgħixu ħajja kuntenta”, temm jgħid Alex Borg.