Il-Ġamajka spiċċat assedjata mill-effetti tal-akbar maltempata tas-sena dovuta għall-Uragan ‘Melissa’… maltempata li swiet il-ħajja ta’ mill-anqas ħamsa u bil-poplu qed ikollu jiffaċċja sitwazzjonijiet katastrofiċi, fost il-potenzjal ta’ aktar telf ta’ ħajja.
L-uragan qed ikun imfisser anki bħala ‘il-maltempata tas-seklu’ għall-poplu tal-Ġamajka – dejjem skont l-aħħar evalwazzjonijiet tal-World Meteorological Organization (WMO) .
Intant, numru kbir ta’ Ġamajkani, fl-aħħar sigħat, spiċċaw evakwati miz-zoni residenzjali fost arja ta’ terrur minħabba li l-maltemp ta’ ‘Melissa’ kien qed javvanza bil-mod ħafna għal fuq il-pajjiż – u meta l-poplu kien qed jistenna l-agħar impatt possibbli.
Ma kienx eskluż li l-maltempata se tibqa’ għal żmien f’livell ta’ ‘kategorija ħamsa’ u li hu l-ogħla livell fuq is-skala. Dan meta l-poplu fil-kapitali Kingston u bnadi oħra, ilbieraħ, kienu diġà qed iħossu l-agħar tal-elementi.
L-irwiefen mill-maltempata tant huma qawwija li kważi impossibbli biex persuna tibqa’ fuq saqajha – bl-esperti tat-temp jikkalkulaw il-qawwa ta’ dawn l-irwiefen madwar 282 kilometru fis-siegħa.
L-imwiet dovuti għall-uragan kienu rappurtati f’diversi zoni tal-Ġamajka waqt li kien hemm anki l-imwiet f’Ħaiti u r-Repubblika Dominikana.
Il-Gvern tal-Ġamajka, sadanittant, qed jistenna li l-ħsarat mill-maltemp se jkunu fuq livell ‘kważi inkalkulabbli’. Dan filwaqt li kkonferma li numru ta’ persuni tilfu ħajjithom jew indarbu waqt li kienu qed jippreparaw biex jilqgħu għall-elementi ta’ Uragan Melissa.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet fil-Ġamajka qed iħeġġu kontinwament biex il-poplu jeżerċita l-massimu tal-kawtela f’dawn il-kundizzjonijiet mill-aktar perikolużi.
Dan ukoll waqt li l-gvernijiet ta’ diversi pajjiżi qed iwissu liċ-ċittadini tagħhom li għaddejjin bil-btajjel fil-Ġamajka biex jibqgħu dejjem attenti għall-aħħar bullettini mill-awtoritajiet lokali fl-aħjar interessi tas-sigurtà.
//= $special ?>

