Il-Gozo Tourism Association tinnota li l-Budget 2026 jindirizza d-dimensjoni soċjali tal-Gżejjer Maltin. Dan jagħti enfasi partikolari lill-familji u lill-anzjani permezz ta’ diversi miżuri, fosthom żidiet f’diversi kategoriji ta’ benefiċċji soċjali, tnaqqis akbar fit-taxxa u żieda fl-allowance tat-tfal. Dawn l-inizjattivi huma maħsuba biex jindirizzaw ir-rata baxxa tat-twelid fil-Gżejjer Maltin u jgħinu jtaffu l-ispejjeż dejjem jikbru tal-għajxien.
Barra minn hekk, dan il-Budget jappoġġja s-settur tan-negozju permezz tal-kontinwazzjoni u l-estensjoni tal-iskema Micro Invest, li tiffoka fuq id-diġitalizzazzjoni u l-adozzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI). Hemm ukoll miżuri mfassla apposta biex isaħħu l-kontribut ta’ Għawdex fit-tkabbir ekonomiku nazzjonali.
L-uniku żieda fit-taxxa mħabbra fid-diskors tal-Budget taffettwa s-settur tat-turiżmu, bil-kontribuzzjoni ekoloġika li se tiżdied minn €0.50 għal €1.50 kull lejl għal kull sodda, u li hija maħsuba biex tinvesti lura fil-prodott turistiku. Madankollu, il-Gozo Tourism Association tinnota b’diżappunt li l-proposta tagħha biex il-kontribuzzjonijiet ambjentali miġbura mill-akkomodazzjonijiet f’Għawdex jiġu ringfenced biex jerġgħu jiġu investiti f’proġetti turistici fil-gżira ma ġietx ikkunsidrata. Fuq nota pożittiva, id-diskors tal-Budget jinkludi l-proposta tal-Gozo Tourism Association biex jiġi emendat u aġġornat l-Att dwar it-Turiżmu sabiex jirrifletti r-realtajiet turistiċi tal-lum.
Il-Budget jinkludi wkoll diversi proġetti infrastrutturali għal Għawdex, li huma ta’ benefiċċju wkoll għas-settur tat-turiżmu, fosthom il-faċilità ta’ parkeġġ b’diversi livelli f’Victoria, il-kamp tal-ajru rurali, titjib fit-toroq arterjali u l-installazzjoni ta’ unità perbarika ġdida fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Barra minn hekk, il-Ministru tal-Finanzi ħabbar aktar konnettività bil-baħar ma’ Għawdex, bil-ħolqien ta’ servizz ġdid ta’ lanċa li jgħaqqad lil Tas-Sliema, Buġibba u l-Imġarr, kif ukoll titjib fit-terminals tal-laneċ taċ-Ċirkewwa u tal-Imġarr. Madankollu, id-diskors tal-Budget ma indirizzax il-proposti tal-Assoċjazzjoni għal pjan komprensiv dwar il-konnessjoni bejn il-gżejjer, bħal sostituzzjoni tar-raba’ lanċa, espansjoni tal-port tal-Imġarr u żvilupp ta’ triq alternattiva.
Bħala konklużjoni, il-Gozo Tourism Association tilqa’ b’sodisfazzjon diversi miżuri li jappoġġjaw l-investiment fil-prodott turistiku Għawdxi, kif ukoll dawk li jħeġġu ż-żamma tal-impjegati.
//= $special ?>

