Albert Buttigieg, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg appella fil-Parlament biex kulħadd jifhem li l-progress vera ta’ pajjiżna ma jitkejjilx biss mill-GDP imma kemm naħdmu biex nagħmlu lis-soċjetà tagħna aktar umana, ġusta u inklussiva.
Hu qal li dan l-abbozz dwar l-interpreti jitkellem dwar dawk il-persuni li jagħmluha ta’ interpreti u fuq il-ħtieġa li dawn ikollhom standards professjonali. Qiegħed jiġi propost ukoll li dawn l-interpreti jkollhom warrant bħal ħaddiema u professjonisti oħrajn biex b’hekk wieħed iserraħ aktar rasu mill-professjonalitá tagħhom.
Għalkemm il-lingwa tas-sinjali ilha tkun mgħallma lura minn 1950 u fl-2016 ġiet approvata bħala lingwa uffiċjali, dan l-abbozz huwa fid-direzzjoni t-tajba. Imma ‘l hinn minn dawn l-abbozz tajjeb li nkunu wkoll onesti u naċċettaw li bejn id-diversi liġijiet u dokumenti uffiċjali u bejn ir-realtá li dawn il-persuni jħabbtu wiċċhom fil-ħajja ta’ kuljum, hemm differenza.
Id-deputat Nazzjonalista qal li bħal oqsma soċjali oħra, bejn dak li hemm fuq il-karti u d-dokumenti u l-isfidi ta’ kuljum ta’ dawn il-persuni hemm diversi ostakoli u barrieri li jridu jħabbtu wiċċhom ta’ kuljum.
Għaldaqstant, sakemm ma nifhmux u napprezzaw dawn l-isfidi tagħhom u nidħlu fiż-żarbun tagħhom, ikun ta’ xejn li ngħaddu liġijiet. Punt li tajjeb li, aħna li ma għandniex din il-vulnerabbiltá, hemm bżonn li nifhmu u napprezzaw huwa li dawn il-persuni jgħixu f’silenzju kontinwu.
Hu qal li mhux qiegħed jirreferi għal bżonn li aħna jkollna mumenti ta’ kwiet u ħemda. Is-silenzju li huma jgħixu fih huwa silenzju li joffri stat ta’ vulnerabbiltá u nuqqas ta’ komunikazzjoni mal-oħrajn.
Bħala bnedmin aħna lkoll maħluqa minn natura tagħna stess li nikkomunikaw bejnietna u li nidħlu f’komunikazzjoni ma’ oħrajn biex naqsmu l-emozzjonijiet, opinjonijiet, il-weġgħat u l-ferħ ta’ ħajjitna.
Dan ifisser li dawn il-persuni nieqsa mis-smiegħ u allura anke għandhom limitazzjoni verbali, għandhom sfida kbira ta’ komunikazzjoni. Għaldaqstant, il-lingwa tas-sinjali hija l-mod kif jistgħu jikkomunikaw.
Dan ifisser li fejn ma hemmx dan l-għarfien jew servizz ta’ din il-lingwa, allura hemm diffikultá kbira, hemm silenzju, hemm frustrazzjoni.
Hu qal li bħala kelliem għal ħarsien tat-tfal, ried jiġbed l-attenzjoni ta’ din il-Kamra kemm huwa ta’ importanza kbira li dawk it-tfal li huma nieqsa mis-smiegħ kemm huwa importanti li dawn it-tfal minn ċkunithom ikunu mgħallma din il-lingwa. Imma mhux biss. Kemm huwa importanti li jkun hemm persuni li jkunu ta’ interpreti li jgħinu lil dawn it-tfal jitgħallmu u jsegwu l-lezzjonijiet u t-tagħlim fl-iskejjel.
Hu staqsa kif dawn it-tfal jistgħu jitgħallmu l-iskola, meta nafu li ma hemmx persuni u risorsi biżżejjed biex jagħmlu dan u kif it-tfal qegħdin ikollhom interpreti li jkunu LSEs għal dawn it-tfal. Kemm hemm taħriġ fost l-għalliema biex huma jkunu sensittivi għal dawn it-tfal? Għalkemm nifhem l-għalliema tagħna llum għandhom diversi tfal bi sfidi u abbilitajiet differenti, imma jibqa’ l-fatt li l-għalliema jridu jkunu sensittivi għal dawn it-tfal. Kemm għanda tfal bin-nuqqas ta’ smiegħ u kemm minn dawn għandhom LSEs li huma wkoll interpreti tal-lingwa tas-sinjali?
Nuqqas ta’ edukazzjoni jwassal għal nuqqas ta’ impiegi u karrieri tajbin u allura nuqqas ta’ kwalitá tajba tal-ħajja. Dan in-nuqqas ta’ komunikazzjoni joħroġ ukoll fuq livell ta’ Gvern u entitajiet pubbliċi. Diversi konferenzi stampi li jkollna, kemm politiċi u kemm ukoll pubblici, ma jkunx hemm persuna li jagħmilha ta’ interpretu tal-lingwa tas-sinjali.
Għaldaqstant, kif jistgħu dawn il-persuni mhux biss jieħdu interess x’qed jigri f’pajjiżna? Waqt il-qari tad-diskors tal-Bagit, kellna interpretu imma f’seduti oħra, dan is-servizz ma hemmx. Dan juri nuqqas ta’ sensittività.
Tajjeb li jkollna wkoll messaġġi u tabelli li jgħinu lil dawn il-persuni jgħixu fil-komunità. Permezz ta’ dawn it-tabbelli, dawn il-persuni jistgħu jifhmu aħjar u jagħmlu użu tajjeb minn diversi servizzi offruti fil-komunità.
Albert Buttigieg sellem lill-Kunsill ta’ Ħaż-Żabbar u lis-sinkdu Jorge Grech wara li dan l-aħħar il-kunsill waħħal tabelli f’diversi positijiet pubblici li jgħinu lil dawn il-persuni. Filwaqt li l-Aġenzija Sapport għandhom ħames interpreti li wieħed jista’ jibbukkjhom, hemm bżonn ta’ aktar ħaddiema li jitgħallmu din il-lingwa.
Barra l-isfida tal-komunikazzjoni hemm ukoll l-isfida għal min irid jaħdem. Hawnhekk wieħed isib diversi ħaddiema u min iħaddem li ma jafux kif iġibu rwieħhom jew inkella kif jikkomunikaw ma’ dawn il-persuni.
Hija sfida li tajjeb li dawk li jaħdmu bħala fil-human resources ikollhom it-taħriġ neċessarju biex jaraw li ma jkunx hemm diskriminazzjoni lejn dawn il-persuni.
L-esperjenza turina li dawn il-persuni li jekk jingħataw l-opportunità u taħriġ, huma kapaċi daqs ħaddieħor. L-esperjenza turina li persuni li huma differenti, għal diversi raġunijiet ibatu minn nuqqas ta’ stima lejhom infushom.
Għalkemm l-istrateġija għall-persuni b’diżabbiltà 2021- 2030 titkellem fuq id-dinjità ta’ dawn il-persuni, irridu naħdmu aktar biex ngħinu lil dawn il-persuni jkollhom self-image u self esteem b’saħħtu u reżiljenti.
Albert Buttigieg qal li kien enfasizza l-ħtieġa tal-komunikazzjoni, l-edukazzjoni, l-aċċessibiltà għall-informazzjoni u l-esklużjoni soċjali. Din il-ħidma mhijiex biss xogħol imma wkol vokazzjoni li huma qegħdin iservu ta’ pont bejn il-ħajja ta’ persuna li jgħix fis-silenzju, u d-dinja u s-soċjetà.


