Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Mark Simiana kkonfermat deċiżjoni tal-WasteServ li żżomm lura ħlasijiet dovuti lil kumpanija ta’ rkupru tal-iskart GreenPak wara li ġiet ippruvata t-twassil ta’ materjal li ma kienx riċikabbli.
Fil-ġudizzju tagħha, il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ GreenPak li qalet li kienet intitolata għal madwar €900,000 mingħand il-kumpanija governattiva. Il-każ imur lura għas-sena 2021 meta WasteServ kienet akkużat lil GreenPak li ma kinitx qed tonora l-obbligi kuntrattwali tagħha li twassal materjal riċiklabbli, wara li GreenPak kienet ħabbret li kienu qed jitħallsu ħlasijiet lura.
Skont WasteServ, minkejja li GreenPak kienet sostniet li wasslet 25,000 tunnellata ta’ materjal riċiklabbli – fosthom karta, kartun, plastik u metall – madwar nofs dan il-materjal ma kienx adattat għar-riċiklaġġ u anzi kien qed jagħmel ħsara lill-interessi tal-kumpanija.
WasteServ qalet ukoll li GreenPak kompliet tinsisti biex titħallas €48 kull tunnellata anke għal materjal li kien mhux biss mhux riċiklabbli iżda xi drabi anke perikoluż.
Għaldaqstant il-Qorti kkonfermat id-deċiżjoni ta’ WasteServ li żżomm lura ħlasijiet dovuti lill-kumpanija ta’ rkupru tal-iskart GreenPak wara li kien instab li parti sostanzjali mill-materjal ikkonsenjat ma kienx adattat għar-riċiklaġġ.
//= $special ?>

