Il-unions laqgħu l-miżuri tal-familja, u anke dawk għan-negozji. Iżda diżappuntati bil-fatt li l-akbar problemi f’pajjizna, b’mod speċjali t-traffiku, ma ġewx indirizzati.
Kien dan is-sentiment li esprimew numru ta’ korpi kostitwiti f’pajjiżna li taw ir-reazzjonijiet tagħhom waqt il-programm NETLIVE u li tkellmu dwar diversi aspetti tal-Budget.
Reuben Cuschieri, minn naħa tal-Kamra tal-Kummerċ, spjega li aspett pożittiv kien ir-reviżjoni tat-tax bands. Dan filwaqt li laqgħu numru ta’ miżuri dwar l-AI, fost l-oħrajn.
Minkejja dan huwa esprima d-diżappunt dwar in-nuqqas ta’ attenzjoni lejn problemi ta’ importanza nazzjonali – fosthom it-traffiku u t-trasport – li jaffettwaw mhux biss in-negozji imma anke l-familji.
Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, spjega li dan il-budget irrikonoxxa li l-pajjiż għandu problema fid-demografija; iżda inutli ngħidu li l-ekonomija sejra tajjeb jekk hemm theddida reali fuq il-popolazzjoni Maltija.
Fisser ukoll kif il-Budget indirizza l-problema minn aspett finanzjarju; iżda kellu jindirizza l-problema tal-ħin.
Minn naħa tiegħu, Kevin Borg f’isem il-Malta Employers, spjega li dan kien Budget bilanċjat, fejn l-employers se jkunu jistgħu jgawdu minn tkabbir fil-produttività.
Minkejja dan Kevin Borg qal li l-Malta Employers stennew aktar miżuri fejn tidħol l-edukazzjoni u l-ambjent fost l-oħrajn.
Paul Abel, f’isem iċ-Chamber tal-SMEs, tkellem dwar il-fatt li t-trasport ma ssemma’ xejn, minkejja l-”hype” li qam dwar il-metro. Fejn saħaq li għal dawk li huma self-employed il-problema tat-traffiku hija kbira.
Madanakoll, huwa faħħar il-proposti tat-taxxa.
Intant, il-Budget wera kif matul is-snin li ġejjin id-dejn nazzjonali se jkompli jisplodi ‘l fuq. Dan filwaqt li diversi proġetti – fosthom it-trakka u Monte Carmeli – tħallew fuq l-ixkaffa.
//= $special ?>

