Żagħżugħ ta’ 24 sena nħeles mill-akkuża li weġġa’ sewwieq ieħor wara li l-Qorti sabet li aġixxa għad-difiża tiegħu waqt ġlieda li nqalgħet wara tilwima fit-traffiku f’Tas-Sliema. Il-każ kien jikkonċerna lil Matteo Lanfranco, residenti l-Imsida, li kien akkużat li kkawża ġrieħi ħfief lil Mario Chircop wara argument fit-traffiku li eskala fi ġlieda fi Triq il-Lunzjata nhar it-28 ta’ Jannar.
Il-Maġistrat Kevan Azzopardi ħeles lill-akkużat wara li sab li l-konfront kien ikkawżat minn Chircop, li kien ammetta li kien qed iżomm sikkina u li “aċċidentalment” ta daqqa ta’ sikkina lil Lanfranco, filwaqt li l-forza użata mill-akkużat kienet neċessarja biex jiddefendi lilu nnifsu.
Surġent tal-Pulizija qal li kienu rċevew rapport dwar persuna kienet ġiet aggredita b’sikkina. Meta waslu fuq il-post, sabu lil Lanfranco jittieħed għall-kura bi ġrieħi fuq il-post, b’demm viżibbli mal-art ħdejn il-karozza Smart tiegħu, li kienet wieqfa fin-nofs tat-triq bil-bieba tas-sewwieq miftuħa. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Żewġ xhieda li raw l-inċident qalu li raw żewġ karozzi jieqfu, u ż-żewġ sewwieqa niżlu u bdew jinsulentaw lil xulxin qabel ma bdew jiġġieldu. Huma intervjenew u sseparawhom, iżda wieħed mill-irġiel – li aktar tard ġie identifikat bħala Chircop – telaq bil-karozza tiegħu.
Ftit wara, madankollu, Chircop irritorna, resaq lejn il-karozza ta’ Lanfranco u tah daqqa waqt li Lanfranco kien għadu ġewwa. Huma semgħu lil Lanfranco jgħajjat “Oh sh*t, he stabbed me,” u raw demm ħiereġ minn spalltu.
Fix-xhieda tiegħu, Chircop qal li kien ilu jsuq wara Lanfranco li, skont hu, kien qed juża l-mobajl waqt is-sewqan u saħansitra pprova jidħol fi triq ‘one way’. Allegatament Lanfranco laqtu l-ewwel u li hu rreaġixxa biss għall-provokazzjoni, għalkemm ammetta li wara l-ewwel ġlieda ħareġ minn karozza tiegħu b’sikkina żgħira biex jiffaċċja lil Lanfranco. Hu sostna li ried juri s-sikkina iżda li d-daqqa kienet “aċċidentali”, ammetta li kien irrabjat u f’għaġġla biex imur id-dar, u sostna li Lanfranco laqtu tliet darbiet.
Lanfranco min-naħa tiegħu qal li kien waqaf ħdejn sinjal “give way” meta s-sewwieq warajh beda joffendih b’lingwaġġ vulgari u jhedddu, jgħidlu “Ħa noqtol lil ommok”. Lanfranco spjega li pprova jevita l-konfront u baqa’ jsuq, iżda Chircop baqa’ jiġri warajh sakemm waqfu fi Triq il-Lunzjata.
Hu qal li meta niżel mill-karozza biex jistaqsi “X’ġara?”, Chircop diġà kien barra, jiġri lejh b’idu mgħollija, u laqtu f’wiċċu. Lanfranco qal li ta daqqa lura biex jiddefendi ruħu, u Chircop waqa’ mal-art. Ftit wara, skont l-akkużat, Chircop irritorna b’sikkina, resaq lejn il-karozza, daħħal rasu fit-tieqa u qal “Din hija għalik, a*hole”, qabel ma ta daqqa li ħabtet ma’ spalltu.
Lanfranco ħareġ mill-karozza bid-demm ħiereġ minn spalltu tal-lemin u anke ġibed filmat tal-inċident fuq il-mowbajl tiegħu. Il-Qorti qalet li l-verżjoni ta’ Chircop kienet mimlija kontradizzjonijiet, fosthom dwar kemm-il darba ntlaqat u kif eżattament seħħet id-daqqa tas-sikkina.
Il-pretensjoni tiegħu li kienet “aċċidentali” ma nstabitx kredibbli, u ġie mwissi dwar il-possibbiltà li jkun qiegħed jigdeb taħt ġurament. Min-naħa l-oħra, il-verżjoni ta’ Lanfranco kienet konsistenti ma’ dik ix-xhieda indipendenti.
Il-Maġistrat Azzopardi kkonkluda li s-sitwazzjoni perikoluża kienet ikkawżata mill-imġiba ta’ Chircop u li dak li għamel Lanfranco kien reazzjoni neċessarja biex jipproteġi lilu nnifsu minn aggressjoni inġusta u inevitabbli. Għaldaqstant, il-Qorti laqgħet l-argument ta’ difiża personali u qalet li l-forza użata kienet proporzjonata u ġustifikata, u għalhekk ħelset lil Matteo Lanfranco mill-akkużi kollha.
//= $special ?>

