Raġel akkużat li qatel l-Eks Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, wieġeb li hu ħati, fl-ewwel seduta tal-ġuri.
Il-Prim Ministru tal-Ġappun inqatel fl-2022 waqt li kien qiegħed jagħmel diskors fil-kampanja elettorali tiegħu. Abe miet l-isptar dakinhar stess wara li ntlaqat bosta drabi mill-arma tan-nar.
Tetsuya Yamagami ta’ 45 sena qal li l-arma li uża biex joqtol lil Abe għamilha fid-dar tiegħu stess.
Meta kien investigat dan il-qtil li ħoloq agħa madwar id-dinja kollha, instab li kien hemm konnessjoni bejn il-Partit Liberali Demokratiku (LDP) li kien imexxi Abe u l-knisja magħrufa bħala tal-Moonies fil-Ġappun. L-akkużat ammetta li kien qatel lil Abe għaliex ommu kienet tat 100 miljun YEN (madwar 660 dollaru) f’donazzjonijiet, wara li Abe ippromwova din il-knisja kemm felaħ. L-akkużat insista li bid-donazzjonijiet ta’ ommu kienet falliet mhux biss ommu imma l-familja kollha.
Il-qtil ta’ Abe xxukkjat lid-dinja. Hu serva bħala Prim Ministru fil-Ġappun mill-2006 sal-2007, u mill-2012 sal-2020, jibqa’ wieħed mill-aktar figuri politiċi li taw kontribut sinifikanti fl-Istorja tal-Ġappun. Il-leadership tiegħu ġabet żvolta fil-pajjiż, b’mod partikulari fil-politika ekonomika li kienet saret magħrufa bħala Abenomics. U t-tmexxija tiegħu kienet ikkaratterzziata minn riformi kuraġġużi, b’politika internazzjonali qawwija u approċċ uniku lejn il-problemi soċjali.

Dawn l-allegazzjonijiet waslu biex f’Marzu ta’ din is-sena, il-qorti f’Tokyo, ordnat li l-knisja ‘Unification Church’, ordnat biex din il-knisja tkun eżenti mit-taxxa u b’hekk kellha tillikwida l-assi tagħha, u waqfet topera. L-investigazzjoni dwar din il-knisja, li l-oriġini tagħħa bdiet fil-Korea tan-Nofsinhar u li kienet magħrufa għaż-żwiġijiet tal-massa, waslet biex anke erba’ ministri kellhom jirriżenjaw.

Il-Ġappun li dejjem kellha livelli baxxi ta’ vjolenza minn armi tan-nar, saħħet aktar il-liġijiet dwar l-armi li jsiru fid-dar, wara l-qtil ta’ Abe.



