Lokali Qorti

“Is-sitwazzjoni tal-Qorti fil-gżira t’Għawdex ġiet skartata u injorata” – Kamra tal-Avukati f’Għawdex

Il-Kamra tal-Avukati wera’ b’dispjaċir kbir li għal darb’oħra s-sitwazzjoni tal-Qorti fil-Gżira t’Għawdex ġiet skartata u injorata kompletament. Minkejja li matul is-snin saru diversi wegħdi dwar il-bini ta’ Qorti ġdida f’Għawdex, il-Ministru naqas milli jindika xi pjanijiet konkreti jew skadenzi dwar dan il-proġett tant meħtieġ.

Is-sitwazzjoni tal-amministrazzjoni tal-Qorti t’Għawdex hija waħda tal-biki tant li kull kamra tal-bini tal-Qorti, tinsab mimlija bi staff jaħdem fi spazju limitat immens. F’ċertu ċirkostanzi l-proċessi tal-Qorti dwar kawżi li għadhom pendenti jinsabu f’munzelli fuq xulxin fl-art tant kemm l-ispazju huwa limitat.

Apparti hekk f’diversi okkażjonijiet, il-ġudikanti li joperaw mill-bini tal-Qorti f’Għawdex qed isibu diffikultà sabiex jaħdmu peress li m’hemmx awli biżżejjed sabiex jakkomodaw il-Qrati, Tribunali u Bordijiet li jaqdu l-funzjonijiet tagħhom minn Għawdex.

Jitfakkar ukoll il-fatt li l-bini preżenti huwa wieħed inaccessibbli għal persuni bi problemi ta’ mobilità b’mod partikolari peress li kull pjan u kull awla hija aċċessibbli biss permezz ta’ turġien b’diffikultajiet kbar għal kull min irid jagħmel użu mis-servizzi tal-Qrati. Dan mhux biss joħloq diskriminazzjoni indiretta lejn ċittadini b’diżabbiltà jew bi problemi ta’ mobilita’, iżda jmur ukoll kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, kif intqal fir-rapporti tagħhom ta’ Frar 2021.

Għaldaqstant, Avukati Għawdex, filwaqt li formalment juru d-dispjaċir tagħhom lejn in-nuqqas ta’ attenzjoni partikolari lejn din is-sitwazzjoni, jappellaw sabiex l-awtoritajiet ċivili jieħdu l-azzjonijiet immedjati sabiex jassiguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom post adegwat li minnu l-Qorti t’Għawdex tkun tista’ taħdem b’aktar faċilità, u biex jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal ġustizzja f’ambjent sigur, aċċessibbli u modern.

Il-Qorti t’Għawdex ma tistax tkompli topera minn bini li jmur lura għaż-żmien tal-Ordni ta’ San Ġwann. Il-poplu Għawdxi jixraqlu aħjar.