Evidenti li t-trasport tal-massa għall-Prim Ministru Robert Abela huwa uġiegħ ta’ ras kbira hekk kif hu ċar li għadu mhux qiegħed jaqbel mal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana. Tant hu hekk li dan is-suġġett ma ssemma’ qatt fid-diskors tal-budget.
Mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti f’Kastilja wara l-preżentazzjoni tal-budget, għal aktar minn darba – Robert Abela spjega li għalkemm tħalla barra se jissoktaw l-istudji….u saħaq li se jitlob lill-Ministru tal-Finanzi għall-fondi – liema fondi ma jissemmew qatt f’aktar minn sagħtejn budget.
Apparti l-kriżi li għandu l-Kabinett fuq it-trasport tal-massa, fost oħrajn, il-Kamra tal-Kummerċ spjegat li t-traffiku ma kienx indirizzat f’dan il-budget – bil-Prim Ministru jisħaq mal-ġurnalisti li ma jaqbel xejn ma din l-istqarrija – għalkemm il-verità hi li s-soluzzjoni biex jittaffa t-traffiku intesiet għal kollox.
Intant, minkejja diversi tax cuts li kien hemm għal min għandu l-ewwel wild jew it-tieni wild – il-budget sfortunatament warrab lil dawk il-persuni single jew li m’għandhomx ulied.
U hawn, l-ewwel reazzjoni tal-Grupp Parlamentari għad-domandi b’rabta ma’ din it-tema kienet, surrealment li jidħqu.
Sabiex sussegwentament il-Prim Ministru b’mod mill-aktar ċar u tond rreferihom isegwu l-budget tas-sena l-oħra, ċioè fi kliem sempliċi, konferma li dan il-budget ma kienx jgħodd għalihom.
Intant, sfortunatament dan il-budget ma’ ndirizzax il-faqar fil-pajjiż – tant li l-kelma faqar lanqas tissemma darba fid-diskors tal-Ministru Clyde Caruana.
Mistoqsi dwar dan il-Prim Ministru sostna li saru diversi inċentivi – meta l-fatti juru li l-persuni li jagħmlu użu mis-servizz tas-soup kitchen mhux jonqsu imma effettivament qed jiżdiedu.
Finalment ġie mħabbar li l-Gvern mistenni jixtri vapur ieħor biex jiżdied mal-flotta tal-Gozo Channel u jitneħħa n-Nikolaos; madanakollu kif u meta għadu ftit misteru. U għaldaqstant għalissa l-Għawdxin u l-Maltin se jkollhom jibqgħu jitqannew bih.



