Internazzjonali

Iżrael: Għadu qed jieħu lura l-katavri tal-ostaġġi

Il-grupp Palestinjan Ħamas, sal-lum, għadda lura lil Iżrael madwar ħmistax-il katavru tal-ostaġġi li mietu waqt li kienu qed jinżammu fi priġunerija fil-Medda ta’ Gaza. L-ostaġġi kienu nħatfu fis-7 ta’ Ottubru tal-2023 – il-jum tal-attakki terroristiċi storiċi tal-Ħamas f’Iżrael – u l-kelliema mal-Organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar qalu li, fl-aħħar sigħat, irċevew tebut ieħor bil-fdalijiet ta’ persuna li l-Ħamas irreferew għalih bħala ‘wieħed mill-ostaġġi’.

Il-Gvern Iżraeljan, sadanittant, ikkonferma li ta permess lil membru tal-Ħamas biex jidħol f’territorju ta’ Gaza li hu taħt il-kontroll tal-qawwiet ta’ Iżrael. Dan biex hu jgħin lill-ħaddiema tas-Salib l-Aħmar u nies speċjalizzati mill-Eġittu li għaddejjin bit-tfittxija għall-katavri tal-aħħar ostaġġi.

Iżrael qed jakkuża lill-Ħamas dwar abbużi għall-ftehim għall-waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza wara li t-terroristi Palestinjani ma rritornawx il-katavri kollha tat-28 Iżraeljani li mietu taħt kundizzjonijiet ta’ priġunerija.

Min-naħa tiegħu, il-Ħamas insista li hu impenjat favur dan il-ftehim li ntlaħaq bil-medjazzjoni tal-Istati Uniti, l-Eġittu, il-Qatar u t-Turkija. Dan meta l-grupp Palestinjan, fil-preżent, qed  jitlob l-għajnuna biex isib il-fdalijiet tal-ostaġġi li jidhru li spiċċaw mirdumin taħt il-bini fost l-eqqel tal-gwerra ta’ Gaza li ilha għal sentejn.