Internazzjonali

Mietet l-attriċi Prunella Scales… jew aħjar ‘Sybil’ ta’ Fawlty Towers

Id-dilettanti tas-sitcoms Britanniċi żgur li jiftakru fil-karattru ta’ Sybil li għenet biex is-sensiela Fawlty Towers tibqa’ popolari anki llum minkejja li kienu nħadmu biss 12-il episodju, imqassmin fuq żewġ staġuni.

Fil-fatt, ftit tas-sigħat ilu, tħabbret il-mewt tal-attriċi Prunella Scales li interpretat daqstant tajjeb lil din il-karattru.

Is-sensiela Fawlty Towers kien inħadem f’nofs is-snin sebgħin u jibqa’ mudell ta’ eċċellenza għall-produzzjonijiet komiċi għat-Televiżjoni Britannika… sensiela li fiha, Prunella Scales, li mietet fl-età ta’ 93 sena tinterpreta l-mara ta’ Basil Fawlty, is-sid eċċentriku ta’ lukanda interpretat b’mod brillanti mill-attur veteran John Cleese u fejn il-bawxati ma jonqsux. Kollaborazzjoni li tibqa’ sal-lum leġġendarja u eżempju tas-sitcom Britanniku klassiku.

Sadanittant, ir-rapporti qalu li Prunella Scales mietet fid-dar tagħha f’Londra, bi qrabatha jassistu għall-aħħar mumenti ta’ ħajjitha.

Dan waqt li wliedha, fl-aħħar sigħat, infurmaw lill-midja li l-attriċi, fil-fatt, kienet qed tara u tieħu pjaċir bir-re-runs tas-sensiela Fawly Towers fil-jum proprju qabel mewtha.