Lokali Qorti

Mixli li hedded lill-eks sieħba: Mar quddiem biebha u talabha l-flus għax m’għandux x’jiekol

Raġel inżamm taħt arrest wara li wieġeb mhux ħati ta’ vjolenza domestika wara li l-eks sieħba tiegħu qalet li nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta tad-9.15pm. f’Santa Venera fejn toqgħod hi – mar quddiem ir-residenza tagħha. Hi rrappurtat li kien hemm ordni ta’ protezzjoni kontrih u li dan kisirha mar u talabha l-flus għax m’għandux x’jiekol u sar xi theddid.

Kien hemm ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tiegħu li hu kiser qal l-Ispettur Christian Cauchi. Ir-raġel ta’ 38 sena li joqgħod Ħaż-Żabbar li qal li huwa mpjegat u xogħlu hu fost oħrajn li jwaħħal l-‘air conditioners’ ġie mixli b’seba’ akkużi.

Dik li wettaq biża fuq il-vittma, kommunikazzjoni permezz ta’ network elettronika, nġurji u theddid, ksur tal-paċi pubblika, kiser ordni ta’ protezzjoni maħruġa mill-Maġistrat Lara Lanfranco għal darba – darbtejn u li sar reċidiv.

Saret talba għall-ħelsien mil-arrest li kienet opponuta mill-prosekuzzjoni minħabba li għad trid tixhed l-allegata vittma. Id-difiża qalet li dawn ma joqgħodux flimkien, anzi joqgħodu f’lokalitajiet il-bogħod minn xulxin.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u dan għax għadha ma xehditx l-allegata vittma. Wara d-deċiżjoni d-difiża qalet lill-Qorti li l-klijent tiegħu huwa innoċenti u li l-allegata vittma hija waħda manipulattiva. Madankollu l-Qorti qalet li hija kienet diġa’ ddeċidiet dwar il-pleġġ. Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Tanya Sammut. Għal Fava qed deher l-Avukat Mark Busuttil.