Lokali Qorti

Multa ta’ €2,500 wara li ħaddem lil ibnu ta’ 14-il sena

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech, sabet lil negozjant ħati li ħaddem lil ibnu, ta’ 14-il sena, fi stabbiliment fil-Mellieħa nhar is-6 ta’ Awwissu 2024, meta kien għadu taħt l-età obbligatorja tal-iskola. Huwa ġie mmultat €2,500 għal dan in-nuqqas.

Il-Qorti semgħet kif uffiċjali ta’ Jobsplus kienu osservaw lit-tifel jaħdem fuq bajja għal madwar 10 minuti, jirranġa dinghies u paddle boats għall-kiri, waqt li missieru ma kienx fuq il-post. Meta ġie avviċinat, it-tifel ammetta li kien qed jaħdem u ċempel lil missieru biex jiġi.

Il-provi miġbura mill-awtoritajiet, fosthom mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u mid-Dipartiment għall-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali, ikkonfermaw li ma kien hemm l-ebda permess biex it-tifel jaħdem, peress li kien taħt l-età minima ta’ 15-il sena stabbilita mil-liġi għall-impjieg.

Il-Maġistrat Frendo Dimech irrimarkat li l-verżjoni tal-ispetturi ta’ Jobsplus kienet kredibbli u koerenti, filwaqt li dik tal-missier u ta’ ibnu kienet kontradittorja u ma kinitx imfissra bħala veritiera. Il-Qorti qalet li kien ta’ għajb li missier iġiegħel lit-tifel tiegħu jigdeb taħt ġurament biex jevita multa, u semmiet ukoll l-importanza li l-ispetturi ta’ Jobsplus jiġu mgħammra b’bodycams sabiex jiġu evitati tilwim bħal dawn fil-futur.

Fil-konklużjoni tagħha, il-Qorti kkundannat lil missier għal multa ta’ €2,500, iżda ma applikatx is-sospensjoni tal-liċenzja kummerċjali tiegħu. Barra minn hekk, ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jiġi eżaminat jekk hemmx lok għal akkuża ta’ sperġur kemm kontra l-ħati kif ukoll kontra persuna oħra li xehdet, u wkoll lill-Ministru għall-Intern, lis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, u liċ-CEO ta’ Jobsplus.

Il-Maġistrat ikkonkludiet li l-prosekuzzjoni ppruvat il-każ sal-grad meħtieġ mil-liġi u li l-verżjoni tad-difiża kienet “ma għandhiex mis-sewwa”. L-ismijiet mhumiex qed jixxandru biex tiġi protetta l-identità tat-tifel.