Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma
Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
F’dak li kienu jaħsbu dawk li għexu fuq wiċċ din id-dinja qabilna wieħed isib irkejjen u fonti ta’ għerf u gwida kontinwament. Ovvjament trid tfittixhom jew alternattivament almenu ma taħrabx minnhom meta jiġu f’ħoġrok.
Il-linja hija f’dan il-kilba biex wieħed isir jaf aktar fir-riċerka kostanti tal-bniedem biex jitgħallem aktar. Hemm f’dan dmir qawwi li kull persuna għandha li ma tiċħadx lilha nnifisha minn din il-linja determinati.
Uħud jaħsbu li huwa żejjed għalihom li jidħlu f’dan il-proċess. Jaraw li qed jgħabbu rashom b’dak li skont huma ma għandhomx bżonn. Mhux utli biex kif jimmaginaw ma jaqilgħux aktar flus jew ma jilħqux aktar kredibbiltà billi jiffurmaw rwieħhom aktar. Imma fortunatament kien hemm oħrajn qabel u fi żmienhom taw pariri tajba, li għandhom jittieħdu u jinqraw.
Fost dawn
F’dan ninsab rikonoxxenti lejn ktieb sabiħ ħafna tal-istoriku u filosfu magħruf Taljan Eugenio Garin (1909-2004) fit-titlu Ritratti di umanisti (1967). Fih imiss f’numru ta’ kapitli ma’ ħajjet diversi li studjaw u qraw rwieħhom fil-klassiċi.
Dawk li fil-qosor nett minn dak li beda l-kittieb, poeta, filosfu u filologu Francesco Petrarca (1304-1374). Dik it-triq li biha wieħed imur lura lejn dak li kitbu l-Griegi u l-Latini u jħares lejh fil-kuntest storiku tiegħu biex jieħu lezzjonijiet għall-preżent tagħhom.
Diversi huma identifikati li kienu bnedmin ta’ kultura f’dan. Dawk li fittxew li jassorbu fihom infushom d-direzzjonijiet intelliġenti u mimlija għaqal ta’ dawk ta’ qabilhom. Dawk li fil-fatt huma stess saru mumenti storiċi oħra li mhux biss komplew fit-tradizzjoni klassika imma saru huma stess ukoll propju bħalhom. Għandhom kull raġuni biex jimitaw ta’ qabilhom u kull raġuni għal ta’ warajhom biex jimitaw lilhom.
Fid-dinja tal-għerf
Dawk li kienu jaraw lil ta’ qabilhom superjuri spiċċaw maż-żmien ġew kunsidrati huma wkoll f’din il-kategorija. Laħqu l-livelli tagħhom u għaddew lura għerf miżjud. Fil-qari, irriflettew u aġixxew, ħsieb u azzjoni li mmarkaw età storika għalina.
Il-ktieb jelenka sebgħa biss minn dawn il-varji bnedmin li nidentifikaw bħala umanisti. Ċertament fost l-aktar importanti li kien hemm dwar dan ma hemmx dubbju. Kull wieħed f’dan jimmerita studju u attenzjoni partikolari.
Biss Garin jagħżel li jibda l-kapitli tiegħu b’Enea Silvio Piccolomini (1405-1464) dak li fit-18 ta’ Ottubru ta’ din is-sena fakkarna s-sitt mija u għoxrin anniverarju (620) mit-twelid tiegħu. Il-bniedem li fid-19 ta’ Awwissu 1458 ġie magħżul f’konklavi mill-aktar interessanti u kunflitti bħala Papa Piju II.
Dak li ġab lura aktar stabbiltà fil-Knisja Kattolika fis-sitt snin li dam fil-katedra ta’ San Pietru.
Jolqtok aktar
Tajjeb li jmiss lura miegħu għax fih kellu din id-dimensjoni f’rabtiet spiritwali u politika li ftit mexxejja ta’ dak iż-żmien kellhom. Ftit kienu bħalu bnedmin ta’ kultura u ftit kellhom l-ideat u l-viżjoni li kienet tbasktet ġewwa fih għas-servizz tal-oħrajn, tas-soċjetà u fuq kollox tal-Knisja Kattolika.
Imma dan seta’ jwettqu għax il-karriera preċedenti tiegħu fis-servizz tal-prinċpijiet tad-dinja tawh dimensjoni differenti flimkien mal-qari u studju kontinwu tiegħu.
Kien kif jikteb Garin dak li “Insisteva che la cultura, la nuova cultura formata allo studio degli antichi, aveva un’ importanza centrale per la vita politica.” (Kien jinsisti li l-kultura, il-kultura gdida kif furmata fuq l-istudju tal-antiki, kellha importanza ċentrali fil-ħajja politika.)
F’dan meta taqra ħajtu wieħed jifhem iktar minn fejn kienet ġejja l-ħeġġa u d-determinazzjoni kostanti li jwettaq is-sewwa.
Jacob Burckhardt
(1818-1897)
L-istoriku Żvizzeru magħruf sew fil-ktieb daqshekk ieħor kbir La Civiltà del Rinascimento in Italia (1860), jirrimarka li kellu sal-aħħar “tanto vigore giovanile e tanto entusiasmo” li żammitu sal-aħħar determinat li jġib l-Ewropa magħquda lura lejn kruċjata ġdida.
Dan huwa aktar rilevanti llum meta ma għadx għandna bnedmin fil-politika li għandhom din il-formazzjoni. Garin jikkwotah jgħid “Chi ha responsabbilta di Governo deve essere esperto nelle discipline morali, ossia in quelle ‘arti’ mondane che, insegnate con i metodi nuovi ispirati ai maestri di Grecia e Roma.”
(Min għandu r-responsabbiltà tal-Gvern irid ikun espert fid-dixxiplini morali, jiġifieri f’dawk ‘l-arti’ tad-dinja li, jgħallmu b’metodi ġodda ispirati mill-kbar tal-Greċja u Ruma). Kliem rilevanti għalih u għalina li ngħixu f’dawn iż-żminijiet u li m’għandniex niskartaw anzi nikkultivaw.
Kellu ħafna x’jaffronta
Kien hemm perjodu ieħor diffiċli fl-istorja tal-bniedem bi ġlied bejn ir-renjanti ta’ Angio u dawk ta’ Aragona dwar Napli, flimkien mar-rivalità ma’ Venezja, bil-kriżi kontinwa fl-Imperu u l-avvanzati ta’ Mawmettu II li terġa’ kienet “favorita dai contrasti fra gli stati cristiani che a gara cercavano di servirsi del Turco per eliminare i propri nemici.”
(Favorita mill-kuntrasti bejn l-istati nsara li kienu jikkompetu bejniethom kif jużaw lit-Torok biex jeliminaw l-għedewwa tagħhom.)
Mument li jfakkarna f’dak li qed naraw illum. Kien propju f’dan li kien ifforma l-opinjoni li jista’ jwaqqaf dan il-ġlied permezz ta’ kruċjata. Is-sabiħ għalina f’dan kollu huwa propju li għandna għad-diżpożizzjoni tagħna ħafna riflessjonijiet apparti diversi kotba varji fil-memorji miktuba minnu fil-Commentari bħala Papa. Dawk li raw id-dawl tax-xemx l-ewwel darba mija u għoxrin sena wara mewtu varjati, korretti, imnaddfa min-neputi Isqof tiegħu Francesco Bandini Piccolomini imma xorta li fihom infushom huma qawwija.
Is-sigriet
F’dan Garin innifsu jiftħilna għajnejna fuq ir-raġuni għas-suċċess tiegħu fid-dinja politika. Hu jgħidilna l-ewwel l-imħabba għat-tagħlim “Oltre l’imitazione di grandi modelli antiche c’e’ in questa ricerca storico-scintifica di Enea, tanta curiosita nuova, tanta ansia di conoscere e di fare.”
(Barra l-limitazzjoni tal-mudelli l-antiki l-kbar hemm f’dan riċerka storico-xjentifika li Enea jieħu b’tant kurżità ġdida, b’tant ansjetà li jkun jaf u jwettaq.)
It-tieni jkompli bil-karriera tiegħu hekk “le grandi opere storico-geografiche, le monografie storiche, le discussioni politiche, sono intessute di esperienze dirette, di conoscenze profonde, e animate dall’interesse di chi ai grandi avvenimenti e’ abituato ad assistere da posizioni eminenti e a partecipare.”
(Il-kitbiet storiċi-xjentifiċi verament kbar, il-monografiji storiċi, id-diskussjonijiet politiċi, huma mibnija f’esperjenzi diretti, ta’ għarfien profond tas-sitwazzjoni, u mħeġġa mill-interess ta’ min l-avveniment l-kbar huwa mdorri li jkun parti u li jieħu seħem.)
Nifhmu
F’dan iż-żmien, fejn qisna għaddejja minn forma ta’ barbariżmu ġdid, fejn il-valuri t-tajba qed jintesew u jitwarrbu, fejn il-bniedem jaħseb biss u mmexxi minn kunsiderazzjonijiet materjali, hu jibqa’ rilevanti. Kliemu huma dawl f’ħafna sens għax dal-Papa Piju II wettaq u ħadem ħafna għall-ġid tal-proxxmu u l-Knisja Kattolika.
Kien il-bniedem li wettaq kemm seta’ atti biex iġib il-paċi fl-Ewropa u jħares ’il quddiem. Wara tant snin nammetti li sibtu ta’ benefiċċju li qrajt dwaru. Għax hu parti mill-għerf li l-umanisti ħallewlna u li nittraskuraw.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 28 ta’ Ottubru, 2025.
//= $special ?>

