Fil-Qorti tal-Maġistrati r-Republika ta’ Malta ppreżentat każ kriminali kontra Curtis Bakoush, raġel ta’ 36 sena residenti il-Belt Valletta, akkużat b’diversi serqiet u ħsara volontarja, u li dawn ħafna minnhom seħħew matul ix-xahar ta’ Settembru li għadda f’inħawi differenti tal-Belt kapitali.
L-akkużat li għandu problema ta’ droga li qal li ma jaħdimx kien arrestat wara investigazzjoni tal-Pulizija –wara li daħlu żewġ rapporti fl-Għassa tal-Belt fejn wieħed minnhom irrapporta li nsterqulu xi oġġetti mill-vettura tiegħu. Bakoush ġie mixli li f’xi ħin matul il-ġurnata tat-12 ta’ Settembru 2025, ġewwa l-istabbiliment Stivaletti fi Triq Żekka, allegatament ikkommetta serq ta’ baskett (hand bag) u oġġetti oħra.
Huwa ġie mixli wkoll li f’xi ħin matul il-lejl tas-17 ta’ Settembru, ġewwa l-istabbiliment Edwards Lowell fi Triq San Żakkarija, wera l-intenzjoni li jikkommetti serq kkwalifikat ta’ oġġetti li għandhom valur ta’ €2,329.37, inkluż billi wettaq atti biex jibda l-eżekuzzjoni tas-serq, għalkemm ma seħħitx minħabba xi ħaġa “aċċidentali u indipendenti mill-volontà tiegħu”.
Filwaqt li kien hemm il-ħsara volontarja fuq oġġetti immobbli jew mobbli, il-ħsara totali kienet ta’ aktar minn €2,500, inkluż danni għal stabbiliment Edwards Lowell u għal persuni oħrajn. Ġie mixli wkoll li fil-lejl ta’ bejn is-17 u t-18 ta’ Settembru, ikkommetta serq ta’ flus kontanti u oġġetti oħra fl-‘Old Prison Courtyard’ fi Triq San Duminku, l-Belt Valletta, b’mod ikkwalifikat u bil-valur totali ta’ €232.94,
Bakoush ġie akkużat ukoll li fil-lejl tat-18 ta’ Settembru, allegatament seraq basktijiet, credit cards u oġġetti oħra minn fuq persuna femminili u li kaġun ta’ din is-serqa wettaq azzjonijiet ta’ qliegħ u ingann fl-istabbiliment Mcdonald’s, billi uża ismijiet foloz, b’ammont ta’ ħsara li ma taqbiżx l-€500.
Huwa mixli wkoll li fil-lejl bejn it-20 u t-21 ta’ Ottubru, seraq basktijiet u oġġetti oħra minn British Shoe Store f’Misraħ San Ġwann, u b’atti volontarji kkawża ħsara ta’ bejn €250 u €2,500. Barra minn hekk, ġie akkużat ukoll li ma obdiex il-kundizzjonijiet imposti fuqu minn sentenza tal-Qorti tal-Magistrati tas-sena 2019, u dan ħoloq akkużi addizzjonali dwar reċidiva u ħtijiet preċedenti, inkluż li ma osservax ir-regolamenti tal-Qorti dwar il-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni spjegat li l-imputat uża metodi ta’ qliegh u ngann, inkluż ismijiet u kwalifiki foloz, biex joħloq il-falsa impressjoni ta’ intrapriżi u krediti foloz, u sabiex iqanqal tama jew biża’ f’persuni u entitajiet differenti.
Il-każ fih ukoll referenzi għal diversi inċidenti fejn il-ħsara kkawżata kienet ta’ eluf ta’ ewro. Il-Prosekuzzjoni talbet li, fil-każ ta’ ħtija, il-Qorti tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Liġijiet ta’ Malta, sabiex il-ħati jħallas id-danni u l-ispejjeż relatati mal-proċeduri, inkluż esperti u periti.
Id-difiża talbet lill-Qorti biex l-akkużat li kien l-isptar Monte Carmeli għall-programm u li fil-frattemp kien barra. Ingħad li jkun aħjar li l-Qorti tirrakkomanda lid-Direttur tal-Ħabs biex jinżamm fit-taqsima forensika tal-Pulizija minħabba d-dipendenza tiegħu fuq il-kokaina. Il-Qorti laqgħet ir-rakkomandazzjoni sabiex l-akkużat jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Brandon Bonnici, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Jeffrey Rizzo għall-Pulizija, filwaqt li l-Qorti ngħatat id-dettalji kollha dwar il-fedina penali u d-dokumenti ta’ identità tal-imputat. Għalih dehret l-Avukat Francesca Zarb.
Il-każ instema’ mill-Maġistrat Tanya Sammut.
//= $special ?>

