Lokali Qorti

Raġel li bies u mess mara mingħajr kunsens jitpoġġa taħt ordni ta’ probation

Tuneżin ta’ 33 sena li bies u mess mara mingħajr il-kunsens tagħha tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin wara li ammetta l-akkużi kontrih fil-Qorti tal-Maġistrati. Saif Rounin, li jgħix f’Tas-Sliema u jaħdem bħala gwida mat-turisti, kien akkużat li wettaq atti sesswali mingħajr kunsens, fastidju sesswali u li żamm mara Kolumbjana kontra r-rieda tagħha.

L-Ispettur Elton Buckingham spjega fil-qorti li l-mara ressqet rapport nhar il-Ħadd dwar inċident li seħħ fid-19 ta’ Ottubru. Hija qalet lill-pulizija li kienet marret għal party f’dar ta’ ħabiba tagħha u s-sieħeb tagħha, fejn f’ħin minnhom raqqdet fuq is-sufan.

Waqt li kienet rieqda, ħasset lil xi ħadd jmissha u jibda jbusuha, u meta fetħet għajnejha ndunat li l-persuna kienet il-kamra tal-ħabiba tagħha, jiġifieri l-akkużat. Hija immedjatament waqqfitu u qamet minn postha.

Fil-qorti, Rounin ammetta l-akkużi u wera li kien lest biex jiffaċċja l-konsegwenzi ta’ dak li għamel. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet dwar is-sentenza, il-qorti preseduta mill-Maġistrat Tanya Sammut ħarġet ordni ta’ probation għal tliet snin, li fiha l-akkużat għandu jsegwi l-istruzzjonijiet tal-probation officer u jattendi għal kwalunkwe sessjoni ta’ appoġġ li tkun meħtieġa.

Il-qorti ordnat ukoll li Rounin jħallas multa ta’ €5,000, li għandha titħallas f’ħlasijiet ta’ kull xahar, u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, sabiex tkun assigurata li l-akkużat ma jersaqx lejha jew jikkomunika magħha.

Sadanittant il-Qorti ma laqgħetx it-talba biex ismu jiddaħħal fir-reġistru tal-ħatjin ta’ reati sesswali u dan minħabba l-fatt li l-parte csivile mhijiex minuri. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Kristina Bartolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistita mill-Ispettur Elton Buckingham, filwaqt li l-Avukat Roberta Bonello Felice dehret għall-akkużat.