Internazzjonali

Trump: Determinat li jibqa’ jmexxi wara l-mandat… ?

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump mhux jeskludi l-possibbiltà li jipprova għal tielet mandat ta’ poter (bħala President) – fost il-kummenti li ‘l-idea qed togħġbu ħafna’.

Fl-istess ħin, Trump ċaħad għall-possibbiltà li jikkuntesta għar-rwol ta’ Viċi President Amerikan fl-2028… impenn li, skont is-sostenituri tiegħu, għandu jgħin lil Trump biex ‘jiżgiċċa l-kriterji tal-Kostituzzjoni Amerikana’ li ma jippermettux biex President tal-Istati Uniti jikkuntesta għal tielet mandat.

Il-President Trump, sadanittant, qal li mhux se jipprova jikseb mandat ġdid ta’ Presidenza b’dan il-mod  u meta mhux ċar x’metodu jista’ juża biex jikkuntesta għal darb’oħra għall-White House.

Ftit tal-jiem ilu, Steve Bannon, l-eks strateġista politiku ta’ Trump, żvela li (minkejja l-Kostituzzjoni) kien hemm ‘pjan’ biex jaċċerta terminu ieħor ta’ poter għall-President Amerikan li, llum, għandu 79 sena.

Intant, Donald Trump, fl-aħħar sigħat, temm żjara fil-Ġappun u meta kien qed iħejji biex imur fil-Korea t’Isfel fejn għandu jiltaqa’, fost oħrajn, mal-President Ċiniż, Xi Jinping.

Aktar qabel, hu kien għamel diskors lit-truppi Amerikani fuq l-aircraft carrier USS Washington li kien stazzjonat fil-Ġappun – fost l-insistenza li ‘jekk kemm-il darba l-Istati Uniti tidħol fi gwerra, se taċċerta li toħroġ dejjem rebbieħa mill-konflitt’.

Trump, waqt iż-żjara fil-Ġappun, kellu wkoll laqgħat mal-Prim Ministru Ġappuniż, Sanae Takaichi, biż-żewġ mexxejja jirreferu għall-Alleanza tagħhom li, fi kliemhom, għaddejja minn ‘żmien tad-deheb’.

Donald Trump anki kellu tifħir speċjali għall-Mexxej Ġappuniż fost il-kummenti li l-Ġappun hu impenjat biex jinforza l-kapaċitajiet għal difiża fi żmenijiet inċerti għad-dinja.