Valletta FC u l-Fondazzjoni Caritas huma kburin li jħabbru li qed ikomplu jikkollaboraw flimkien, bl-għan li jkunu ta’ appoġġ għal dawk li jinsabu fi triqthom ta’ riabilitazzjoni u rkupru minn abbuż ta’ sustanzi.
Fl-2024, Valletta FC u l-Fondazzjoni Caritas kienu niedew flimkien il-kampanja #BounceBack u wara s-suċċess kbir u r-rikonoxximent nazzjonali tal-inizjattiva tas-sena li għaddiet, Valletta FC qed isaħħu l-impenn tagħhom lejn Caritas Malta b’żewġ inizjattivi, li jikkonfermaw il-fidi komuni li l-isport jista’ jkun dawl ta’ tama u tiġdid.
B’konnessjoni mat-Telethon annwali ta’ Caritas, id-dħul kollu nett mill-biljetti tal-partita li Valletta FC se jkunu qed jilgħabu llum kontra Gżira United minn match day 10 tal-Malta Premier, se jmur kollu għall-Caritas. Dan il-ġest juri r-rieda tal-klabb Belti li juża’ l-pjattaforma tiegħu bħala mod biex jappoġġja lil dawk li jiffaċċjaw l-isfidi ta’ kuljum tar-rkupru.
Barra minn hekk, f’Novembru, il-Valletta FC se jorganizza t-tieni edizzjoni tal-Caritas Cup, turnament trijangolari li jinkludi lil Valletta FC, klabb tal-Premier League u klabb tal-Challenge League. It-turnament hu xhieda viżibbli ta’ solidarjetà ma’ dawk fil-proċess ta’ riabilitazzjoni, hekk kif id-dħul finanzjarju kollu, li normalment jieħu l-klab b ta’ Valletta FC minn partita bħal din, se jmur kollu għal Caritas.
Il-President tal-klabb Belti, Claudio Grech, qal li permezz ta’ din l-inizjattiva, “mhux qed inħaddmu biss ġabra ta’ fondi, iżda qed inħallu moviment fejn il-futbol ikollu skop. Irridu nwasslu messaġġ lil kull persuna li qed tiġġieled kontra d-dipendenza li mhix waħedha. Il-futbol jista’ jgħinek terġa’ tqum fuq saqajk, u Valletta FC qed jippromwovi dan il-messaġġ.”
Id-Direttur tal-Caritas Malta, Anthony Gatt, laqa’ din l-inizjattiva u qal li “is-sena li għaddiet kienet waħda storika, u din is-sena Valletta FC kompliet tgħolli l-livell saħansitra aktar. Dan hu eżempju ta’ sħubija komunitarja awtentika, li hija sostenibbli, viżibbli u mmexxija bil-valuri. Aħna ninsabu grati għall-impenn sod li qed ikomplu juru Valletta FC lejn din il-kawża ġusta. Bl-istess mod, napprezzaw ħafna d-dedikazzjoni tal-President Claudio Grech u tal-kumitat kollu li jmexxi hu, li tassew qed jagħtu eżempju b’saħħtu lill-oħrajn dwar kif jingħaqdu l-isport, l-altruwiżmu u l-involviment soċjali.”
Lillhin minn din l-inizjattiva, il-kampanja li qed iħaddnu flimkien Valletta FC u Caritas Malta, tkompli tinkludi l-branding ta’ Caritas fuq il-kits tal-klabb, u l-meżżi soċjali u uffiċjali ta’ Valletta FC. Dan qed isir flimkien ma’ programmi ta’ għarfien speċjali għaż-żgħażagħ u inizjattivi kontinwi ta’ Football for Recovery fi ħdan l-Akkademja. Flimkien, Valletta FC u Caritas Malta qed juru li l-futbol mhuwiex biss logħba, imma pjattaforma li tipprovdi ċans ieħor.
Għal aktar informazzjoni, żur www.vallettafc.net jew segwi l-kampanja permezz ta’ #BounceBack.
//= $special ?>

