Minkejja ċ-ċokon ta’ dan il-pajjiż ninsab kburi bil-ħidma sfieqa ta’ riċerka li l-Università ta’ Malta qed twettaq; inwiegħdkom li flimkien ma’ sħabi d-deputati dejjem se ssibu appoġġ u sostenn mingħand il-Partit Nazzjonalista.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta l-Erbgħa waranofsinhar żar l-Università ta’ Malta, akkumpanjat mix-Shadow Ministers Justin Schembri, Ivan J Bartolo, Graham Bencini u Ryan Callus – fejn kienu milqugħin mir-Rettur tal-Università ta’ Malta Professur Alfred Vella.
Fil-laqgħa inizjali li kellu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ngħata spjega dwar ix-xogħol tal-RIDT, ir-Research, Innovation and Development Trust – li minnu tagħmel parti wkoll ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Universita ma tistax titħalla waħedha imma tkun parti minn ħidma konġunta mal-Gvern – madanakollu sfortunatament f’dan il-budget jidher li l-Gvern mhux kommess jinvesti bi sħiħ fl-għajnuna tar-riċerka.
Alex Borg saħaq li l-ħidma trid tkun waħda konġunta bejn il-Gvern kif ukoll mal-privat sabiex minnha jkun jista’ jgawdi l-frott il-pubbliku. Huwa sostna li jinsab verament kburi b’din il-ħidma li turi kemm tassew it-teorija id’f’id mal-prattika tista’ tagħti riżultati eċċezzjonali.
Huwa żar l-ħidma li qed issir fil-qasam tal-inġinjerija kif ukoll f’tal-informatika, partikolarment fis-settur tal-Intelliġenza Artifiċjali – ħidma kontinwa u riċerka li qed twassal sabiex televa l-prodott Malti.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li dan kollu qed jagħti l-għodod meħtieġa sabiex l-Università ta’ Malta tkompli timbotta ‘l quddiem l-istudenti kif joħorġu fid-dinja tax-xogħol.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta irringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg talli f’daqstant perjodu kmieni fit-tmexxija tiegħu għaraf l-importanza li jixħet l-attenzjoni tiegħu fuq il-ħtieġa tar-riċerka fi ħdan din l-istituzzjoni eduktattiva – li proprju tagħmel parti mill-ewwel 3% tal-unversitajiet madwar id-dinja.


