Raġel ta’ 52 sena, Patrick Mangion, imwieled Ħal Qormi u residenti l-Belt instab ħati l-Erbgħa li seraq €12,000 fi flus kontanti u sitt muniti tad-deheb Krugerrand mingħand anzjan ta’ 81 sena, iżda ġie meħlus mill-akkuża li uża vjolenza waqt is-serq.
Il-proċess bil-ġurati beda nhar it-Tnejn, fejn Mangion kien akkużat li seraq il-flus u l-muniti tad-deheb, kif ukoll li kkawża ġrieħi ħfief lill-vittma. Il-każ imur lura għal Ottubru tal-2019, meta Mangion kien qal lir-raġel anzjan li kien bejjiegħ tal-karozzi Għawdxi u li kien interessat jixtri l-karozza tiegħu.
Skont il-provi fil-qorti, meta l-akkużat talbu u l-vittma daħħlu fil-garaxx biex jaraw il-karozza, Mangion allegatament imbuttah mal-art u seraqlu l-flus. Meta l-anzjan ipprova jerġa’ jqum, l-akkużat reġa’ imbuttah u ħarab b’ammont ta’ flus u sitt muniti tad-deheb ta’ valur totali ta’ madwar €1,239. Xi flus u muniti kienu waqgħu mal-art waqt l-azzjoni, iżda Mangion ġabarhom qabel telaq mill-post.
Il-vittma, li minn dakinhar tal-inċident kien miet, bix-xhieda tiegħu waqt il-kumpilazzjoni tinqara lill-ġurati waqt il-ġuri. Wara sitt sigħat ta’ deliberazzjoni, il-ġurati waslu għal verdett ta’ ħtija fuq is-serq aggravat mill-valur tal-oġġetti misruqa, b’seba’ voti kontra tnejn. Madankollu, Mangion ġie meħlus mill-akkuża ta’ serq aggravat bil-vjolenza, kif ukoll minn dik li kkawża ġrieħi ħfief lill-anzjan, b’tmien voti kontra wieħed.
Il-proċess bil-ġurati kien ippresedut mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, filwaqt li l-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-avukati milll-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kaylie Bonett u Shelby Aquilina. L-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru għad-difiża ta’ Mangion. L-Imħallef Scerri Herrera iddeċidiet li tissospendi s-sentenza sakemm issir rapport soċjali, u aġġornat għas-sentenza li mistennija tingħata fit-18 ta’ Novembru li ġej.
//= $special ?>

