Dak li l-Gvern ta’ Robert Abela qed isejjaħ l-aqwa Budget fl-istorja qed ikompli jidher fiċ-ċar li fil-verità naqqas il-fondi allokati għal numru ta’ setturi kif ukoll naqas milli jindirzza numru ta’ sfidi li l-poplu qed jaffaċċja ta’ kuljum.
F’post fuq il-midja soċjali x-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Gvern Lokali Bernice Bonello spjegat kif fil-Budget tal-2026 wera li l-Kunsilli Lokali se jkollhom inqas riżorsi biex jaħdmu. Dan hekk kif il-fondi allokati tnaqqsu b’€6 miljun – biex b’hekk issa, flok €44nmiljun, se jingħataw €38 miljun.
Kien propju l-Partit Nazzjonalista li welled il-Kunsilli Lokali f’pajjiżna għaliex dejjem emmen li r-resident għandu jingħata vuċi, bil-Kunsilli Lokali qed iservu bħala l-ewwel linja ta’ servizz għar-residenti.
Bernice Bonello spjegat li n-nuqqas ta’ fondi se jwasslu għal inqas proġetti fil-komunità, aktar pressjoni fuq kunsilli li diġà qed joperaw b’budgets limitati u servizzi potenzjalment imnaqqsa u dewmien fir-restawr u manutenzjoni.
Intant, hi sostniet li wasal iż-żmien li d-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament tal-Kunsilli Lokali jerġgħu jittieħdu b’mod serju sabiex ma jiġux affettwati s-servizzi li jużaw ir-residenti jum wara l-ieħor fil-lokalitajiet.
//= $special ?>

