Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs fuq swat lil eks sieħba u intimidazzjoni bil-vittma spiċċat tagħtih €55,000

Pierre Paul Buttigieg, ta’ 51 sena, residenti tal-Pietà – ġie kkundannat erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li qarraq u seraq lill-ek sieħba tiegħu f’każ li seħħ fl-2015 f’appartament fil-Bidnija. Il-prosekuzzjoni spjegat li l-vittma kienet marret tagħmel rapport lill-pulizija wara perjodu ta’ sentejn u nofs li matulu l-imputat kien kontinwament jitlobha l-flus.

Skont ix-xhieda tagħha, Buttigieg kien talabha €350, iżda mbagħad qalilha li kienu flus foloz u talabha €350 oħra. Aktar tard, beda jgħidilha li kien arrestat u kellu bżonn il-flus biex joħroġ fuq pleġġ, b’riżultat li matul iż-żmien il-vittma tagħtu madwar €55,000. Il-pulizija qalet li meta l-mara marret tagħmel ir-rapport, l-imputat mar wara biebha, u waqt li pprovat tkellmu minn wara l-bieb, imbuttaha, daħal ġewwa u serqilha €2,000 fi flus kontanti.

Il-vittma xehdet li kienet f’relazzjoni ma’ Buttigieg għal madwar tliet snin, li matulhom kien isawwatha u jheddidha b’mod frekwenti. Qalet li kien jgħidilha li kien jgħix fil-karozza u li kien jeħtieġ il-flus biex isolvi problemi legali. Meta qalilha li l-flus kienu foloz, kien minħabba dan weħel multa ta’ €5,000 u talabha tħallasha għalih. Minkejja li kien wiegħed li jroddilha l-flus lura, dan qatt ma seħħ. Hija rrakkuntat ukoll kif kienet suġġetta għal vjolenza fiżika u abbuż sesswali, iżda qatt ma rrappurtatu minħabba l-biża’ li kellha minnu.

Il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, qieset li x-xhieda tal-vittma kienet kredibbli, dettaljata u konsistenti. Il-Maġistrat osserva li l-prosekuzzjoni pprovat lil hinn minn kull dubju raġonevoli li s-serq sar b’mod aggravat u b’element ta’ vjolenza. Buttigieg instab ħati ta’ serq aggravat, qerq u li kkaġuna biża’ fil-vittma li seta’ juża forza kontrih.

Fil-mument tal-piena, il-Qorti qieset il-fatt li l-akkużat kien diġà kellu kuntatt negattiv mal-liġi u li abbuża mill-vulnerabbiltà tal-vittma, mara li kienet taħdem b’mod onest u tgħix bl-għaraq ta’ ġbinha. Il-Maġistrat Azzopardi kkundannah 48 xahar ħabs u nħarġet ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-vittma sabiex tiġi protetta minn kull kuntatt jew fastidju futuri mill-imputat.