Internazzjonali

Ewropa tal-Lvant: L-Istati Uniti qed tnaqqas mill-kontinġenti tas-suldati impenjati man-NATO

Il-Ministeru tad-Difiża tar-Rumanija kkonferma li l-Istati Uniti qed taħseb biex tnaqqas min-numri tas-suldati Amerikani li huma stazzjonati fil-pajjiżi Ewropej tal-Lvant li jiffurmaw parti mill-Alleanza tan-NATO.

Intant, se jibqgħu biss madwar 900 suldat Amerikan fir-Rumanija – minn fost il-kontinġent attwali ta’1,700.

Madankollu, il-Gvern Rumen qal li d-deċiżjoni tal-Istati Uniti kienet pjuttost mistennija u li l-hekk-imsejjaħ proċess għal ‘resizing’ tal-qawwiet Amerikani fl-Ewropa qed isir b’riżultat tal-‘prioritajiet ġodda’ għall-Presidenza ta’ Donald Trump.

Sadanittant, il-Pentagon, f’Washington, qed jipprova jserraħ ras l-Ewropa, bil-kumment li d-deċiżjoni ma tfissirx li l-Istati Uniti għandha tirtira ‘għal kollox’ il-militar tagħha mill-aktar reġjuni delikati tal-kontinent.

L-Artiklu 5 tan-NATO jesiġi biex l-Istati kollha tal-Alleanza jiddefendu lil kwalunkwe pajjiż-membru li jisfa attakkat fuq livell militari…Dan ukoll meta l-Alleanza ilha meqjusa bħala l-akbar deterrent kontra l-aggressjoni tar-Russja.