Lokali Qorti

Eżonerati mill-inċident ta’ meta parti mill-gallarija tal-Barracuda ċediet u kkawżat ġrieħi gravi lil żewġ persuni

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech, illiberat lil Walter Gualtiero Cassar u Denise Nicola Cachia mill-akkużi miġjuba kontrihom f’kawża li nħolqot minn inċident li seħħ fis-16 ta’ Mejju 2016 fil-Barracuda Restaurant, f’San Ġiljan, meta parti mill-struttura tal-gallarija ċediet u kkawżat ġrieħi gravi lil żewġ persuni, Remy Conte u Sandra Lafoy.

Il-prosekuzzjoni kienet akkużat lil Cassar, bħala sid ir-ristorant, u lil Cachia, bħala direttur, li b’nuqqas ta’ ħsieb jew traskuraġni, ikkawżaw ġrieħi gravi lill-vittmi. Fil-bidu tas-seduti, id-difiża, immexxija mill-avukati tal-imputati, qajmet punt preliminari li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprovdi ebda prova li tgħaqqad lil Cassar u lil Cachia mal-Barracuda Restaurant fil-kapacità li ngħataw fl-akkużi.

Lafoy kienet rikoverata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-isptar Mater Dei fejn il-mara Franċiża li dak inħar kellha 46 sena, kienet fost it-tmien persuni li weġġgħu meta ċediet il-gallarija tal-istabbiliment Barracuda fil-Balluta.

Għal xi ħin il-mara ġiet iċċertifikata li tinsab fil-periklu li titlef ħajjitha, iżda wara qalbet għall-aħjar. Apparti din il-mara, kien hem ukoll Remy Conte li ġarrab feriti gravi, filwaqt li l-kumplament ħelsuha b’xi feriti ħfief. Il-persuni li weġġgħu kienu kollha Franċiżi, u li b’kollox kienu tmienja.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8.10pm. meta diversi persuni kienu qed jieklu fil-gallarija tar-ristorant Barracuda. F’ħin minnhom, persuni fil-post spjegaw kif semgħu ħoss qawwi u raw il-gallarija ċċedi. Fil-post kienu waslu ammont ta’ Ambulanzi, Uffiċjali tal-Pulizija u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll anke patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Minn xhieda ta’ Walter Gualtiero Cassar quddiem perit tekniku rriżulta li huwa kien Chairman tal-Barracuda Ltd., il-kumpanija li topera l-Barracuda Restaurant, il-Piccolo Padre u l-Hotel Giuliani, iżda qatt ma kien “sid” personali tar-ristorant.

Il-Qorti osservat li ma ġiet ippreżentata l-ebda prova dokumentarja bħall-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-kumpanija, u lanqas prova li torbot lil Denise Cachia direttament mal-istabbiliment in kwistjoni.

Il-Qorti laqgħet l-eċċezzjoni tad-difiża dwar in-nuqqas ta’ provi dwar ir-rwol tal-imputati, xorta evalwat il-provi kollha biex tivverifika jekk l-inċident setax jiġi evitat u jekk kienx hemm xi forma ta’ traskuraġni jew nuqqas ta’ diligenza.

Fil-provi ppreżentati, ġew esibiti ċ-ċertifikati mediċi ta’ Dr. Daphne Gatt, li kklassifikat il-ġrieħi ta’ Remy Conte bħala gravi, u ta’ Dr. Mario Scerri, li kkonferma li kemm Conte kif ukoll Lafoy sofrew ġrieħi gravi. Il-periti Robert Musumeci u Joseph Bugeja, li ħadmu fuq l-inkjesta maġisterjali, ippreżentaw rapport tekniku dettaljat li fih ġie kkonkluż li l-gallarija li waqgħet kienet strutturalment difettuża.

Madankollu ma kien hemm l-ebda indikazzjoni esterna li setgħet twassal lill-persuna responsabbli biex tbassar il-periklu jew tieħu miżuri preventivi. Il-perit Bugeja indika li xi snin qabel l-inċident kienu saru interventi ta’ manutenzjoni permezz ta’ materjal ta’ kwalità għolja (“repair grouts”) li wrew saħħa strutturali għolja, sinjal li xi ħsara kienet diġà nħasset iżda ġiet ittrattata.

Madankollu, ma kien hemm l-ebda evidenza li l-istruttura kienet fi stat perikoluż jew li l-ħsara kienet viżibbli fil-mument tal-inċident. Musumeci saħaq li l-inċident ma setax jitqies bħala “force majeure”, iżda lanqas bħala wieħed prevedibbli — jiġifieri, ma kienx hemm sintomi jew sinjali li kienu jistgħu jindikaw riskju imminenti.

Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova li l-imputati kellhom xi forma ta’ ħtija jew rabta kaġunali diretta mal-inċident. Ir-rapporti tal-periti kienu ċari li l-kollass ma kienx wieħed prevedibbli u għalhekk ma setax jiġi evitat b’mezzi raġonevoli.

Il-Qorti rrimarkat ukoll li Cassar, fil-xhieda tiegħu, kien qal li dejjem kien jiċċekkja l-kolonni li jżommu t-terrazzin u li kienu “in perfect condition”, u li qatt ma nnota xi ħaġa li setgħet tindika problema strutturali. Għaldaqstant, il-Qorti kkonkludiet li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx il-każ tagħha “oltre kull dubju raġonevoli” u għalhekk illiberat lill-imputati Walter Gualtiero Cassar u Denise Nicola Cachia minn kull ħtija u piena relatata mal-inċident li seħħ fil-Barracuda Restaurant f’San Ġiljan.