“Din hija deċiżjoni mingħajr konsultazzjoni li se taħdem kontra l-istandards tal-kwalità u l-għajxien fis-settur tal-ELT.”
FELTOM, il-Federazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tat-Tagħlim tal-Ingliż f’Malta (FELTOM) tesprimi l-oġġezzjoni qawwija tagħha għad-deċiżjoni tal-Gvern li jitrippla t-taxxa ambjentali (eco-contribution) minn €0.50 għal €1.50 għal kull turist għal kull lejl, kif tħabbar fil-Baġit 2026.
Din il-miżura, li ddaħħlet mingħajr l-ebda konsultazzjoni, se toħloq riskju serju għall-industrija tat-Tagħlim tal-Ingliż bħala Lingwa Barranija (ELT), għall-ekonomija turistika usa’, u għar-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni ta’ kwalità għall-ivvjaġġar edukattiv.
It-taxxa se tapplika għal kull student ta’ 18-il sena ’l fuq — segment li qed jikber b’rata mgħaġġla fi ħdan l-iskejjel akkreditati ta’ FELTOM, studenti li jippreferu jiġu jitgħallmu l-Ingliż għal żmien twil u li qed jagħżlu lil Malta għal raġunijiet ta’ kwalità, mhux sempliċement għal vaganzi qosra fis-sajf.
Dawn l-istudenti jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-akkomodazzjoni, il-kummerċ lokali u l-involviment kulturali. Li jiġu penalizzati b’tali mod se jfisser li se tkun imxekkla waħda mill-aktar niċeċ turistiċi sostenibbli ta’ Malta.
Għal 35 sena, l-iskejjel membri ta’ FELTOM żammew standards rigorużi ta’ edukazzjoni, sigurtà u akkomodazzjoni, jilqgħu għexieren ta’ eluf ta’ studenti kull sena u jsostnu eluf ta’ impjiegi.
Is-settur tal-ELT huwa sensittiv ħafna għall-prezzijiet, u żieda tliet darbiet bħal din, se tagħmel lil Malta inqas kompetittiva meta mqabbla ma’ destinazzjonijiet oħra ta’ studju, u x’aktarx twassal għal tnaqqis fit-tul tal-waqfa u fl-infiq totali.
It-tħassib ewlieni ta’ FELTOM huwa bbażat fuq dawn il-punti ewlenin:
– Iż-żieda ġiet imposta mingħajr konsultazzjoni mal-partijiet interessati.
– Din iż-żieda se taffettwa b’mod sproporzjonat lill-istudenti ta’ 18-il sena ’l fuq li jmorru Malta għal perjodi twal u li diġà jikkontribwixxu aktar ekonomikament u soċjalment mill-vjaġġaturi qosra.
– Hemm ir-riskju li ddawwar lura t-tendenzi pożittivi ta’ rkupru u tkabbir fis-settur tal-ELT.
– Li din iż-żieda qed tinjora s-sensittività tas-settur, fejn bidliet żgħar fil-prezzijiet ikollhom konsegwenzi ferm ikbar.
– Il-fondi miġbura mill-eko-taxxa għandhom jintefqu b’mod trasparenti fil-lokalitajiet fejn jinġabru, biex jitjiebu s-sostenibbiltà u l-benefiċċji għall-komunità.
FELTOM qed issejjaħ lill-Gvern sabiex:
– Jispjega r-raġunament politiku u d-data li fuqha bbaża din iż-żieda.
– Juri kif id-dħul addizzjonali se jintuża direttament biex jitjieb it-turiżmu u l-kwalità edukattiva.
– Jissospendi l-implimentazzjoni tat-taxxa għal studenti edukattivi akkreditati sakemm isir studju tal-impatt u konsultazzjoni mal-partijiet kollha.
– Li jiltaqa’ b’mod urġenti madwar mejda bejn FELTOM, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, u setturi relatati biex jitfassal approċċ ġust u bbażat fuq l-evidenza.
FELTOM dejjem se tkun lesta li tappoġġja l-għanijiet ambjentali ta’ Malta u huwa għalhekk li qed tipproponi sistema li tkun iżjed ġusta, li tinkludi eżenzjonijiet jew rati mnaqqsa għal studenti akkreditati li jiġu jistudjaw għal żmien twil, limitu fuq il-kontribuzzjoni għal viżitaturi li jibqgħu jiġu Malta, u mudell imfassal b’mod li jibbilanċja s-sostenibbiltà mal-kompetittività.
//= $special ?>

