Internazzjonali

Gaża: Attakki li enfasizzaw il-fraġilità tal-ftehim għal waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Ħamas

Kollox jindika li qed jisfuma l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied f’Gaża –minkejja li l-Istati Uniti insistiet li għadu qed iżomm il-patt li ntlaħaq jiem ilu bejn Iżrael u l-grupp Ħamas.

Dan wara li l-militar Iżraeljan fetaħ sensiela ta’ attakki ġodda fuq għexieren ta’ miri tal-Ħamas f’Gaża, bi tweġiba għal allegati ‘abbużi tal-ftehim’ min-naħa tat-terroristi Palestinjani.

U skont l-aħħar statistika provduta mill-Ħamas, l-aħħar mewġa ta’ attakki mill-Iżraeljani fuq Gaża ħallew mill-anqas 120 mejtin u diversi midruba.

Il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaża li hu mmexxi mill-Ħamas sostna li numru sinifikanti tal-vittmi huma tfal waqt li Iżrael qal li rnexxielu jeqred numru ta’ terroristi magħrufin u li qatt ma aċċettaw il-possibbiltà għall-paċi.

Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied kien sponsorjat mill-Istati Uniti u meta l-President Amerikan, Donald Trump, akkost ta’ kollox hu determinat li l-Iżraeljani u l-Ħamas ma jispiċċawx mill-ġdid fi gwerra totali.

Sadanittant, il-Ministeru tad-Difiża Iżraeljan qal li l-attakki kienu ‘reazzjoni awtomatika’ għal azzjoni li t-terroristi f’Gaża kienu wettqu fil-bidu tal-ġimgħa u li swiet il-ħajja ta’ suldat Iżraeljan. Iżrael, fl-istess ħin, jinsab urtat bil-fatt li l-Ħamas mhux jirrispetta l-kundizzjonijiet li jippermettu għar-ritorn lura f’Iżrael tal-fdalijiet tal-ostaġġi li mietu fi priġunerija f’Gaża.

Fl-aħħar sigħat,  il-President Trump sostna li ‘xejn mhu se jgħarraq il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied (f’Gaża)’ iżda hu għamilha ċara wkoll li Iżrael għandu kull dritt li jirritalja ladarba s-suldati tiegħu jispiċċaw mira għall-aggressjoni tal-Ħamas.

Trump, fl-istess ħin, insista li l-grupp Ħamas jifforma parti żgħira biss mill-proċess għall-paċi fil-Lvant Nofsani u li ‘dawn jeħtieġu jżommu posthom waqt li jirrikonoxxu l-limitazzjonijiet tagħhom’.

L-aħħar żviluppi, iżda, ma jawgurawx daqshekk tajjeb għall-ġejjieni, bil-fergħa militari tal-Ħamas tiddeċiedi biex tipposponi r-ritorn ta’ wieħed mill-katavri tal-ostaġġi Iżraeljani li nstab nhar it-Tlieta…L-istqarrija tal-Ħamas sostniet li dan hu dovut  ‘għall-abbużi tal-ftehim min-naħa ta’ Iżrael’.

Attakki ta’ qilla kbira

L-aħħar sensiela ta’ attakki mill-qawwiet Iżraeljani konċentraw fuq il-Belt ta’ Gaża u bliet oħrajn bħal Beit Lahia, Bureij, Nuseirat u Khan Younis…Dan waqt li l-missili laqtu diversi djar, skejjel u bini oħra fost l-isplużjonijiet qalb iz-zoni residenzjali.

Intant, il-kelliema għall-IDF ( il-Qawwiet ta’ Difiża Iżraeljani), fl-aħħar sigħat, qalu li kienu qed jinfurzaw mill-ġdid il-waqfien mill-ġlied – għalkemm il-potenzjal għal aktar vjolenza għadu reali.

Il-kapijiet militari ta’ Iżrael, fl-istess ħin, esprimew sodisfazzjon għall-fatt li, fl-aħħar attakki, huma rnexxielhom jeliminaw madwar 30 kmandant tal-gruppi ta’ militanti armati.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, ikkonferma li kien hu li ħareġ direttivi għall-‘attakki qawwijin’ fuq Gaża, għalkemm ma speċifikax ir-raġuni partikulari.

Madankollu, il-Ministeru tad-Difiża Iżraeljan qal li l-Ħamas ‘kien qabeż il-linja l-ħamra’ meta t-terroristi tiegħu, nhar it-Tlieta, attakkaw grupp ta’ suldati Iżraeljani li qed jokkupaw l-inħawi ta’ Rafah (f’Gaża).

Il-Ministru Iżraeljan għad-Difiża, Israel Katz, qal li ‘il-Ħamas iridu jħallsu prezz enormi talli attakkaw lis-suldati minkejja l-ftehim għal waqfien mill-ġlied kif ukoll għall-fatt li t-terroristi għadhom iżommu lura milli jirritornaw il-katavri tal-ostaġġi Iżraeljani skont il-kundizzjoni ewlenija tal-patt.’

Sadanittant – u fi żvilupp konfliġġenti — il-grupp Ħamas ħareġ stqarrija fejn qed jiċħad li l-ġellieda tiegħu attakkaw ‘tassew’ lit-truppi Iżraeljani f’Rafah. U waqt li kkundanna l-aħħar attakki tal-Iżraeljani fuq Gaża, il-Ħamas sostna mill-ġdid l-impenn tiegħu biex il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied jibqa’ effettiv u sikur.