Operazzjoni ta’ sorveljanza fuq diversi individwi allegatament involuti f’ċirku ta’ kriminalità
b’rabta ma’ traffikar ta’ sustanzi illegali fl-akwati tal-Marsa, waslet għall-arrest ta’ ħamest irġiel.
Fl-aħħar jiem, il-Pulizija identifikat wieħed mis-suspettati ewlenin, raġel ta’ 53 sena resdenti
l-Gżira, li kien qiegħed juża stalla taż-żwiemel fi Triq in-Nagħal, bħala l-bażi biex minnu
allegatament tiġi ttraffikata d-droga.
Kien għalhekk li t-Tlieta, il-Pulizija wettqet rejd fil-post imsemmi, fejn minnu ġie arrestat ir-raġel ta’ 53 sena, kif ukoll erbat irġiel oħra – wieħed ta’ 26 sena residenti Bormla; tnejn ta’ 38
sena residenti Wied il-Għajn u l-Kalkara rispettivament; u ieħor ta’ 43 sena residenti Ħal Qormi.
Tfittxija fil-post waslet għas-sejba ta’ madwar 60 qartas b’sustanza suspettata eroina lesti biex
jinbiegħu kif ukoll ammont ieħor ta’ eroina li nstabet f’ċirkostanzi li juri li kienet qiegħda tiġi
ppreparata biex titqassam fi qratas. Instabu wkoll madwar 160 qartas b’sustanza suspettata
droga sintetika kif ukoll ammont ieħor ta’ droga sintetika li wkoll instabet f’ċirkostanzi li juri li
kienet qiegħda tiġi ppreparata biex titqassam fi qratas. Il-valur tad-droga misjuba tlaħħaq
madwar €10,000.
Aktar kmieni l-Erbgħa, tlieta mill-arrestati, dak ta’ 26 sena u t-tnejn ta’ 38 sena, tressqu l-Qorti
b’arrest quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana. Huma wieġbu mhux ħatja, madankollu ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest u qegħdin jinżammu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>

