Minkejja l-pompi kollha – il-Gvern mhux jinvesti bi sħiħ fil-qasam tal-isport. Dan hekk kif l-estimi tal-budget, iswed fuq l-abjad, juru li l-ispiża tal-Gvern f’dan is-settur qed tonqos.
Fl-2024, l-ispiża tal-Gvern fl-isport kienet aktar minn €10,700,000 – bl-ispiża tonqos għal €7,400,000 fl-2025 u issa, l-estimi għal 2026 qed juru li n-nefqa se tkun dik ta’ €6,000,000. Tnaqqis ta’ fondi allokati f’dan il-qasam b’aktar minn 4 miljun ewro f’temp ta’ sentejn.
Iżda dan mhux biss hekk kif minkejja n-narrattiva partiġjana u l-kliem sabiħ minn naħa tal-Amministrazzjoni Laburista mad-dilettanti tal-karozzi b’rabta mat-trakka ta’ Ħal Far….l-investiment minflok jiżdied qiegħed jonqos. Dan hekk kif l-estimi għall-2026 qed juru li l-Gvern alloka biss €400,000 proprju għat-trakka ta’ Ħal Far.
Bosta kienu dawk li kkumentaw dwar din in-nefqa li meta kkumparata mal-miljuni ta’ ewro li huma mbassra li se jkunu qed jiġu investiti f’dan il-proġett…. dan l-ammont huwa biss persentaġġ żgħir. Għaldaqstant wieħed jasal għal konklużjoni awtomatika li kollox qiegħed jindika li l-proġett tat-trakka se jkun qiegħed idum ma’ jitlesta – bil-perjodu jkompli jitwal kawża tan-nuqqas ta’ serjetà u investiment tal-Gvern ta’ Robert Abela.



