Lokali Parlament

Il-Gvern jimblokka informazzjoni dwar infiq mill-Kummissjoni dwar il-Films

Il-membri tal-Gvern fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC), ivvutaw kontra mozzjoni minn membri tal-Oppożizzjoni li nsistew għal aktar dokumentazzjoni mingħand il-Kummissjoni tal-Films ta’ Malta dwar infiq li sar.

Id-deċiżjoni fil-PAC ttieħdet wara li l-Ispeaker Anġlu Farrugia ddeċieda l-ġimgħa li għaddiet li l-membri tal-PAC infushom iridu jiddeċiedu jekk isejħux mill-ġdid lill-Kummissarju tal-Films Johann Grech biex jipprovdi dettalji addizzjonali dwar pagamenti li jammontaw għal €7.2 miljun.

F’ruling l-Ispeaker innota li, skont il-linji gwida parlamentari, ix-xhieda quddiem il-PAC huma meħtieġa jwieġbu l-mistoqsijiet ‘bir-reqqa, bis-sħiħ u b’onestà,’ iżda ħalla f’idejn il-kumitat biex jiddetermina jekk jinsistix għal aktar informazzjoni.

Il-membri tal-Oppożizzjoni fil-PAC, sostnew li l-Kumitat għandu jinsisti li jirċievi dokumentazzjoni sħiħa, inklużi fatturi u prova tal-pagamenti, biex jiżgura t-trasparenza dwar l-infiq pubbliku. Iċ-Chairman tal-PAC d-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-PAC ma jistax iwettaq ir-rwol ta’ sorveljanza tiegħu jekk jagħżel li jimblokka l-aċċess għal tali informazzjoni hu stess.

Id-Deputat Nazzjonalista David Agius talab lill-Kumitat biex ikompli jaħdem biex jikseb l-informazzjoni li għandha tingħata u qal lill-membri tal-Kumitat li “sempliċement għax tgħid li int sodisfatt, ma jfissirx li l-PAC kollu huwa sodisfatt.

David Agius qal li jekk il-PAC ivvota biex jieqaf ifittex din l-informazzjoni, allura dan ikun qed joħloq preċedent “perikoluż ħafna” għall-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi u l-futur tiegħu. Huwa qal li hija r-responsabbiltà tal-PAC li jeżamina kif jintefqu l-fondi pubbliċi u għalhekk, jekk il-PAC ivvota kontra li l-Kummissarju tal-Films Johann Grech jissejjaħ biex jixhed dwar l-informazzjoni mitluba, allura l-Kumitat essenzjalment ikun qed ineħħi l-funzjoni tiegħu stess.

Hu qal li kien il-PAC innifsu li vvota biex jitlob din l-informazzjoni mingħand il-Kummissjoni tal-Films ta’ Malta fl-ewwel lok.

Id-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini qal li mhux veru li l-informazzjoni li l-PAC kien talab kienet waslet. Graham Bencini żied li kieku dan kien veru, l-Ispeaker Farrugia kien jagħmilha ċara fir-ruling tiegħu.

Id-deputati tal-Gvern, madankollu, sostnew li l-informazzjoni diġà pprovduta mill-Kummissjoni tal-Films kienet biżżejjed. Id-Deputat Laburista Alex Muscat qal li l-Kummissjoni pprovdiet tqassim dettaljat tal-infiq u li għalhekk ma kienx hemm bżonn li din il-kwistjoni tkompli tiġi estiża.

Dan il-vot ifisser li l-PAC mhux se jagħmel talba oħra lill-Kummissjoni tal-Films minkejja l-pożizzjoni li ħa l-Ispeaker. L-informazzjoni inkwistjoni tirrelata ma’ €7.2 miljun f’fondi pubbliċi minfuqa mill-Kummissjoni tal-Films ta’ Malta bejn l-2019 u l-2022.

Il-PAC inizjalment kien talab informazzjoni dwar id-dati tal-ħlas, l-irċevituri, il-ġustifikazzjonijiet tal-ħlas u kopji tal-fatturi iżda s’issa, ġiet sottomessa biss it-tqassim finanzjarju ġenerali.

Il-membri tal-Oppożizzjoni fil-PAC esprimew diżappunt għall-pożizzjoni tal-Gvern u qalu li l-Kumitat kien effettivament “ivvota biex jillimita l-aċċess tiegħu stess għall-informazzjoni finanzjarja pubblika.”