Budget 2026 Lokali

Il-Malta Womens Lobby jesprimi tħassib li l-Budget naqas milli jindirizza sfidi li qed jaffettwaw lin-nisa

Il-Malta Women’s Lobby tilqa’ b’sodisfazzjon ċerti miżuri mħabbra fil-Budget ta’ din is-sena, iżda tesprimi t-tħassib tagħha dwar in-nuqqas ta’ viżjoni ħolistika biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ewlenin li jolqtu lin-nisa, lill-familji u lis-soċjetà b’mod ġenerali.

L-inċentivi fiskali biex tissaħħaħ ir-rata tal-fertilità huma pass fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, dawn ma jistgħux jittieħdu waħedhom. Il-work-life balance jeħtieġ li jiġi indirizzat minnufih għaliex b’hekk il-koppji jistgħu jkunu inċentivati biex jibdew familja.

Il-leave li preżentament jingħataw il-ġenituri — inkluż il-leave tal-maternità, tal-paternità — huma ferm inadegwati u għandhom bżonn riforma urġenti. Mhux biss ma hemmx leave għall-ġenituri meta wliedhom ikunu morda, iżda l-leave tal-ġenituri jitħallas ħażin ħafna. Sakemm il-leave tal-familja ma jsirx aktar ġeneruż diffiċli ħafna li r-rata baxxa tal-fertilità tal-pajjiż titjieb.

L-Assoċjazzjoni qalet ukoll li hekk kif id-dinja titgħallem illum li l-mira klimatika ta’ 1.5°C inqabżet, huwa diżappuntanti li l-Budget ta daqshekk ftit attenzjoni lill-kriżi klimatika.

In-nisa huma affettwati b’mod sproporzjonat mill-effetti tat-tibdil fil-klima. Il-familji ma jeżistux f’iżolament; huma parti minn soċjetà li qed taffaċċja ż-żieda fil-bini żejjed, it-telf ta’ spazji ħodor u t-tnaqqis kontinwu fil-kwalità tal-ħajja. Madankollu, kien hemm ftit ħafna fil-Budget li jissuġġerixxi impenn veru biex jinħolqu ambjenti ta’ kwalità u komunitajiet sostenibbli.

Għaldaqstant, sa mill-2019, il-Gvern wiegħed li jiftaħ ħames Hubs kontra l-Vjolenza Domestika. S’issa tlestew tlieta biss, u tnejn oħra ilhom jistennew. Il-MWL issejjaħ lill-Gvern biex jispjega immedjatament meta se jkunu lesti dawn iż-żewġ hubs li fadal.

Filwaqt li l-estensjoni tal-aċċess b’xejn għall-gym għal żgħażagħ hija milqugħa, il-MWL tistaqsi għaliex din l-inizjattiva, li tidher li kienet suċċess, ma ġietx estiża wkoll għan-nisa ta’ 40 sena ’l fuq. L-attività fiżika — partikolarment it-taħriġ ta’ saħħa (strength training) — hija essenzjali f’dan l-istadju tal-ħajja biex tinżamm id-densità tal-għadam u l-massa tal-muskoli.

Barra minn hekk, miżuri li jippromovu drawwiet b’saħħithom, inklużi kull tip ta’ sport u attività fiżika, għandhom ikunu inklużivi għal kull membru tas-soċjetà — speċjalment meta wieħed iqis ir-rekord ta’ Malta dwar l-obeżità, li huwa l-ogħla fl-Ewropa, b’aktar minn żewġ terzi tal-popolazzjoni adulta u aktar minn terz tat-tfal klassifikati bħala piż żejjed jew obeżi.

Intant, l-Assoċjazzjoni sostniet li l-familji għandhom bżonn ħin, flessibbiltà u kwalità ta’ ħajja. In-nisa għandhom bżonn opportunitajiet ugwali, sigurtà u dinjità f’kull stadju u aspett tal-ħajja.