Lokali Qorti

Illiberat minn traffikar ta’ droga

Żagħżugħ ingħata probation ta’ tliet snin minkejja li fil-fehma tal-Qorti ċ-ċirkostanzi u l-ammont ta’ droga huma gravi tant li jġorru piena karċerarja effettiva, imma l-għan tas-sentenza hi li huwa għandu jkompli għaddej bl-istabbilita f’diversi aspetti ta’ ħajtu li ħadem għaliha tul dawn l-aħħar snin.

Il-każ seħħ 10 snin ilu meta l-akkużat kien għad kellu 16-il sena fejn huwa kien inqabad mill-Pulizija fit-tiolets ta’ diskoteka f’Paceville fil-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ Ottubru tal-2015, liema droga nstabet fil-but tal-lemin tiegħu fejn instabet borża tal-plastik li kienet tikkontjeni qratas b’sustanza bajda fihom.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Carlone Farrugia Frendo ħadet inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-kondotta tal-imputat hija waħda netta, li ċ-ċirkostanzi u n-nartura tar-reati, huma li l-ammont ta’ droga kien ta’ 1.95 grammi u li ż-żagħżugħ temm b’suċċess il-pjan ta’ kura imfassla mill-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-droga.

Mir-relazzjoni tal-espert Dr. Roberta Holland irriżulta li kjarament li fiż-żmien tar-reat l-imputat kien dipendenti fuq is-sustanzi. Il-Qorti ordnat ukoll li d-droga inkwistjoni tiġi distrutta.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha rrimmarkat li l-piż ta’ 1.95 grammi mhux xi ammont kbir ħafna, u f’pussess ta’ persuna li kienet tbati mill-vizzju, iżda l-fatt li din is-sustanza illeċita kienet maqsuma fi qratas ta’ piżijiet simili, u l-fatt li l-imputat instab f’post f’Paceville, li jkun frekwentat minn persuni, u żgħażagħ u magħruf għad-diveriment u l-fatt li kellu 12-il qartas, huwa ammont pjuttost imdaqqas.

Il-Qorti qalet li ma tarax għalfejn huwa kellu jmur Paceville b’dak l-ammont, jekk mhux biex ibiegħ jew jittrafika l-istess droga. Abbażi tal-post fejn inqabad u l-ammont li kellu fuqu, din ma kenitx għal użu personali tiegħu.

Għaż-żagħżugħ deher l-Avukat Franco Debono.