Lokali

Konferma oħra li l-Gvern qata’ qalbu li jsolvi l-problemi li ħoloq hu stess – PN

Wara li kkontradixxa lil Robert Abela dwar sistema ta’ trasport tal-massa, issa Clyde Caruana jagħti ċertifikat ta’ falliment ukoll lil Chris Bonett; jgħid li s-soluzzjoni hi biss il-multi

Wara li l-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-ġimgħat ilu qal li s-sistema tat-trasport tal-massa għadha fuq l-agenda tal-Gvern u kkwota studji ġodda, il-Ministru għall-Finanzi tiegħu mhux talli kkontradixxieh, imma talli prattikament qalilna li din tkun ġennata.

L-id il-leminija tal-Gvern tikteb mod u l-id l-oħra tħassar kollox minn fuq il-karta.

Sostna dan fi stqarrija ix-Shadow Minister għat-Trasport, l-Agrikoltura u s-Sajd, Toni Bezzina, fejn tenna li Issa, wara li fil-budget ta’ nhar it-Tnejn għaddiet ta’ Clyde Caruana u ma kienx allokat imqar ċenteżmu la għal studju u lanqas għal xi tip ta’ sistema tat-trasport tal-massa ġdida, waqt dibattitu fuq l-istazzjon nazzjonali max-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia, il-Ministru tal-Finanzi ħareġ b’waħda ġdida: qalilna li s-soluzzjoni għat-traffiku hija aktar multi.

Ix-Shadow Minister, kompla jgħid li dan il-Gvern ma jemminx li n-nies kapaċi jagħżlu l-aħjar alternattiva għat-trasport, kieku vera jkollhom alternattiva, u jemmen li jeħtieġ il-kastigi għal min juża l-karozza biex taħdem sistema tat-trasport tal-massa.

B’hekk issa Clyde Caruana qed jagħti wkoll ċertifikat qawwi ta’ falliment lill-Ministru responsabbli mit-traffiku Chris Bonett. Dan fl-istess ħin li l-Gvern sal-lum għadu ma implimenta l-ebda waħda mill-miżuri li ħabbar Chris Bonett biex suppost inaqqas l-użu tal-karozzi. U l-uniku diżinċentiv li għandhom in-nies biex ma jużawx il-karozza jibqa’ l-fatt li kulħadd imwaħħal fit-traffiku.

Issa mhux biss hu evidenti li l-Ministru għall-Finanzi qed jgħawweġ id Robert Abela biex ma jinvestix f’sistema li tista’ ssolvi l-problemi, imma kull meta jitkellem fuq dan is-suġġett qed jikkonferma li ħadd mill-Gvern ma għandu soluzzjoni ċara għal din il-problema. Dan apparti li għadna sa issa ma nafux liema hi l-pożizzjoni uffiċjali tal-Gvern dwar dan is-suġġett – jekk hux dik ta’ Robert Abela, inkella dik ta’ Clyde Caruana.

Li nafu biċ-ċert hu li l-Gvern qata’ qalbu li jista’ jsolvi l-problemi li ħoloq hu stess.

Dan il-budget uriena li sakemm ikun hemm il-Labour fil-Gvern, il-poplu se jibqa’ ġġammjat fit-traffiku.