Lokali

“L-abbozzi tal-ippjanar ġew imfassla għall-iżviluppaturi” – jintemm Kamp Ġustizzja għal Artna iżda l-kampanja se tkompli

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Qed intemmu l-Kamp Ġustizzja għal Artna iżda l-ħidma sabiex ikollna Ġustizzja għal Artna ħa tibqa’ għaddejja sakemm l-abbozzi tal-ippjanar jiġu riveduti u jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ kulħadd u mhux tal-iżviluppaturi biss.

Dan kien il-messaġġ ewlieni li wasslu l-attivisti f’konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-Parlament dan hekk kif Kamp Ġustizzja għal Artna daħal fir-raba’ u l-aħħar jum tiegħu.

Waqt id-diskors tiegħu l-attivist Andre Callus irringrazzja lil dawk l-eluf ta’ persuni li attendew għal protesti li saru b’rabta mal-abbozzi tal-ippjanar li kif qegħdin preżentament huma ta’ theddida kbira għall-ambjent ta’ pajjiżna.

Ġie spjegat ukoll li l-Prim Ministru Robert Abela wiegħed lill-attivisti li dawn l-abbozzi se jiġu riveduti b’mod sostanzjali u b’konsultazzjoni mal-attivisti kif ukoll mal-esperti konċernati. Hawnhekk huma sostnew li jridu proċess ġenwin ta’ konsultazzjoni sabiex dawn l-abbozzi jkollhom intenzjoni differenti – dak tal-ġid komuni.

Intant, l-attivisti qalu li l-kampanja ‘Ġustizzja għal Artna’ se tibqa’ għaddejja sakemm l-abbozzi preżenti jiġu rtirati b’mod sħiħ.